Minn sondaġġ li kien tnieda fil-ħarifa tal-2018, lill-Eurobarometer irriżultalu li 68% tal-Maltin għandhom fiduċja fil-korp tal-pulizija. Il-korp tal-pulizija għalhekk kien it-tieni istituzzjoni l-aktar fdata (flimkien mal-amministrazzjoni pubblika), fdata saħansitra aktar mill-kunsilli lokali (64%), mill-parlament (59%), mill-Unjoni Ewropea (56%) u ferm aktar mill-partiti politiċi (36%), mill-ġurnali (32%) u mis-social networks elettroniċi (24%). L-armata hi l-unika istituzzjoni li hi aktar fdata mill-pulizija mill-poplu Malti (77%).

Jeħtieġ niftakru li dan is-sondaġġ kien sar inqas minn sena wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Sar ukoll diversi snin wara li kien feġġ l-iskandlu tal-Panama u sa dakinhar konna sirna nafu li kumpannija li ġġib l-isem ta’ 17 Black (sidha kien għadu mhux magħruf) kienet inħolqot biex ixaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi bi ħlasijiet ta’ $5,000 kuljum.

Madankollu s-suddizzjoni fil-konfront tal-pulizija baqgħet tippersisti. Jien ma nifhimx fl-antropoloġija u ma niddilettax bit-tbassir tax-xorti. Min jaf jekk, fil-kuntest tal-iskandlu li feġġ f’dawn il-ġranet fi ħdan il-korp tal-pulizija, il-poplu huwiex huwiex ser jibdel il-perċezzjoni li għandu tal-pulizija.

Dak li qed jiġi rappurtat dwar l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin huwa tat-tkexkix. Skont The Malta Independent uffiċjali tal-pulizija nqabdu jiġbru l-flus b’estorsjoni mingħand operaturi tat-trasport u tal-kostruzzjoni biex imbagħad dawn ma jeħlux multi għall-attivitajiet illegali li jkunu wettqu.

Dan l-iskandlu ta raġun lil dawk li dejjem sostnew li l-korruzzjoni f’Malta hi mifruxa sew. Għal dawn l-aħħar snin, din il-korruzzjoni issa jidher li nfirxet fil-qalba tal-korp tal-pulizija.

Ir-riżenja tas-Supretendent Walter Spiteri turi li l-korruzzjoni ma kienitx qed titwettaq biss min dawk fis-saffi t’isfel: kollox kien qed jitmexxa’ minn organizzazzjoni fi ħdan organizzazzjoni.

Ta’ min isemmi li Walter Spiteri kien reġa’ ddaħħal fil-korp tal-pulizija fl-2017 f’ċirkostanzi suspettużi. Snin qabel, dan kien warrab mill-korp tal-pulizija meta kellu l-kariga ta’ spettur, iżda fl-2017 kien reġa’ ddaħħal fil-korp u ngħata promozzjoni għal supretendent minn hekk imsejjaħ bord tal-ilmenti. F’Mejju 2016, il-ministru tal-intern Carmelo Abela kien ikkonferma fil-Parlament li l-bord tal-ilmenti kien kien iddeċieda li jagħti promozzjoni lil Walter Spiteri qabel dan reġa’ ddaħħal fil-korp għaliex kien ġie allegat li fl-imgħoddi kien inqabeż inġustament.

Dak iż-żmien ħadd ma kien jaf bl-eżistenza ta’ dan il-bord tal-ilmenti li ħadem b’mod simultaneju mal-Ombudsman u, mal-medda taż-żmien, bosta bdew jintebħu li dan il-“bord” kien biss paraventu biex lill-bażużli tal-Labour jippremjahom bi promozzjonijiet mhux mistħoqqa, liema promozzjonijiet l-Ombudsman ċertament ma kienx jirrakkomandahom.

Ir-riżenji riċenti ta’ Lawrence Cutajar u ta’ Silvio Valletta mill-ogħla karigi fil-korp tal-pulizija issa qed jassumu xeħta differenti. Mill-inkompetenza u x-xaqlib partiġġjan issa qed ngħaddu għas-suspett ta’ kollużjoni u ta’ involviment f’konġura kriminali.

Ix-xhieda li ngħatat dan l-aħħar fis-sens li l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla żamm misturin provi dwar reati kriminali mwettqin minn politiċi issa qed titfa’ dell dejjem aktar serju.

Post Lawrence Cutajar ittieħed minn Carmelo Magri. Bħala Assistent Kummissarju, Magri kien intervjena mal-uffiċjal investigatur l-Ispettur Edel Camilleri biex jassigura r-rilaxx qabel iż-żmien tal-footballer Daniel Bogdonavic li kien ġie arrestat wara li kien hebb għal martu. L-Ispettur riedet tressaq lil Bogdanovic il-qorti t-Tnejn filgħodu, iżda peress li l-Ħadd wara nofsinhar kellu jilgħab max-Xewkija Tigers, uffiċjali anzjani ndaħlu biex jassiguraw li l-logħba ma jitlifhiex.

Din l-istorja tassumi sinjifikat akbar fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-laxkezza amministrattiva fejn jidħlu każijiet ta’ vjolenza domestika. Carmelo Magri mhux talli ma ġie dixxiplinat qatt. Kien ingħata promozzjoni.

Il-fiduċja li l-poplu għandu bħalissa fil-korp tal-pulizija tidher li mhix waħda mistħoqqa. M’hemmx dubju li fil-korp tal-pulizija hemm membri li jitmexxew mill-kuxjenza, li jaħdmu b’sens ta’ servizz  u li jqiegħdu ruħħom fil-periklu biex iħarsuna. Iżda m’humiex dawn li qed imexxu lill-korp.

Nistgħu forsi nikkunslaw mill-fatt li dawk li huma mmexxijin mis-sewwa qed jagħmluha ta’ whistleblowers biex jikxfu lill-ħallelin u jixħtuhom il-ħabs. Iżda din is-sitwazzjoni tfakkarni fl-oppożizzjoni parlamentari li qed titlef iż-żmien f’dibattiti dwar min għandu jkun dak li jmexxiha. U filwaqt li l-pulizija qed tinvestiga lilha nnifisha, Joseph Muscat, Keith Schembri, Chris Cardona, Konrad Mizzi baqgħu sal-lum igawdu l-impunità.

Forsi issa jkun hemm dejjem aktar minn dawk li jintebħu x’ridna nfissru meta għidna li kienu farrku lill-istituzzjonijiet biex il-kriminali tal-politika jkunu jistgħu jgħadduha lixxa. L-istat miskin li jinsab fih il-korp tal-pulizija huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet eżekuttivi li kienu ttieħdu minn Joseph Muscat u mill-gvern tiegħu. L-iskandlu tal-pulizija tat-traffiku li feġġ f’dawn il-ġranet għandu l-għeruq tiegħu fid-deċiżjoni li libbset l-uniformi lill-kriminali.

Il-promozzjonijiet rapidi li kienu ngħataw lil Valletta, lil Abdilla, lil Cutajar u lill-bqija kellhom konsegwenzi li huma ħafna agħar minn hekk.