L-għaqda li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-films f’Malta komplew jagħmlu pressjoni fuq il-Kummissarju tal-Films Johann Grech biex iwarrab. Minn investigazzjoni li saret jumejn ilu minn The Shift News irriżulta li dan irreklama s-servizzi ta’ 7 kumpanniji produtturi tal-films lokali u ħalla barra l-biċċa ‘l kbira tat-22 kumpannija elenkati fil-katalogu li kien ħareġ fl-2018 ta’ dawk li jfornu servizzi lill-produtturi tal-films barranin li jiġu Malta biex jiġbdu l-films f’pajjiżna.
F’ittra li bgħatet il-bieraħ lil Julia Farrugia Portelli, l-għaqda talbet lill-ministru tkeċċi lil Johann Grech wara li l-Kummissarju tal-Films wieġeb għall-istorja li kixef The Shift News billi xandar lista ta’ kisbiet li seħħew taħt it-tmexxija tiegħu. L-għaqda wieġbet billi qalet li “dan b’ebda mod ma jiskuża l-ħniżrijiet li saru”.
Fil-frattemp, l-Għaqda Maltija ta’ Min Iħaddem talbet lill-prim ministru Robert Abela biex jintervjeni. “L-Għaqda qed titlob lill-Prim Ministru jintervjeni sabiex jikkoreġi s-sitwazzjoni u biex b’hekk il-produtturi lokali kollha jkollhom opportunità ugwali li jaqilgħu ħobżhom u wkoll sabiex jintbagħat messaġġ li affarijiet bħal dawn mhux ser jibqgħu jiġu tollerati f’Malta.”
It-tkeċċija ta’ Johann Grech x’aktarx ser tippreżenta problemi ta’ natura politika għall-Ministru Farrugia Portelli. Johann Grech kien qrib ħafna ta’ Joseph Muscat meta dan kien prim ministru u qabel ma nħatar biex imexxi l-kummissjoni dwar il-films, kien jaħdem fl-uffiċju tal-prim ministru bħala “Kap tal- Marketing tal-Gvern”, kariga li qabel l-2013 ma kienitx teżisti.
Hekk kif beda’ jmexxi l-Kummissjoni dwar il-Films, Johann Grech kompla jagħmel xogħol ta’ reklamar għall-Partit Laburista u jingħad li kien jagħmel użu mir-riżorsi tal-kummissjoni għal dan ix-xogħol. Xi għejjun qaluli li Johann Grech kien daħħal jaħdmu mal-Kummissjoni persuni li kienu attivi fl-għaqda studenteska Laburista Pulse u dawn kienu jingħataw xogħol mhux magħruf “li kellhom jaħdmuh mid-dar”, li jingħad kien jikkonsisti f’xogħol ta’ propaganda għall-Partit Laburista, liema xogħol kien jinkludi wkoll online trolling.
Johann Grech kien jaħdem fir-reklamar għall-Partit Laburista qabel inħatar biex imexxi l-Kummissjoni tal-Films. Fi stadju minnhom, kien irritorna lura lejn Malta qabel iż-żmien minn żjara marbuta max-xogħol biex jassisti għal waħda mill-ispettakli tal-għawm li kienet tiddeletta tagħmel Michelle Muscat. U wara li ntemm l-ispettaklu, reġa’ siefer biex ikompli x-xogħol li kellu barra minn Malta.
Wara li warrab Joseph Muscat, Johann Grech ingħaqad mal-bqija tal-klikka ta’ Joseph Muscat fil-kampanja favur Robert Abela għat-tmexxija tal-Partit Laburista kontra Chris Fearne. Flimkien ma’ ħaddiema oħrajn li kien daħħal jaħdmu mal-Kummissjoni tal-Films, ma kontx tarah b’nemes fuq il-lant tax-xogħol waqt il-kampanja ta’ Robert Abela għat-tmexxija tal-partit.