Tal-Malta Today niedew sondaġġ fost tesserati tal-PN u staqsewhom kif jaħsbuha dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia u dwar jekk jippreferux lilu fuq il-grupp parlamentari. Sebgħa u ħamsin fil-mija tat-tesserati  – jiġifieri dawk li għandhom il-jedd li jissostitwuh b’ħaddieħor – jappoġġjaw lil Adrian Delia u jriduh jibqa’ jmexxi lill-partit.

Dan il-riżultat jindika li, minn dakinhar li kien ġie elett kap tal-partit fis-sajf tal-2017 huwa rnexxielu jżid l-appoġġ fi ħdan il-partit minn 52.7% għal 56.8%. Is-sondaġġ jindika wkoll li ma rnexxilu jakkwista ebda appoġġ ġdid minn ħdan il-partit tiegħu stess. It-tmexxija tiegħu bil-kemm irnexxielha tespandi.

Ir-riżultat li xxandar illum mill-Malta Today huwa biżżejjed biex igħin lil Adrian Delia iżomm postu. Dan m’għandux ikun, iżda huwa fatt. Jeħtieġ niftakru li dawk li wieġbu għal dan is-sondaġġ ġew mistoqsijin iridux lil Adrian Delia jkompli jmexxi jew le. Ma ġie propost ebda isem alternattiv ieħor. Ma nafux x’kienu jwieġbu t-tesserati li kieku Adrian Delia kien qed jiġi kontestat minn xi wħud għat-tmexxija tal-partit. X’aktarx li mhux ser insiru nafu t-tweġiba għal mistoqsija bħal din għal żmien twil.

Jidher li dawk li wieġbu għall-mistoqsija tas-sondaġġ wrew nuqqas ta’ entużjażmu fil-konfront tal-grupp parlamentari. Fit-teorija, dejjem ikun hemm ħaddieħor biex jieħu post id-deputati parlamentari eżistenti. Dejjem ikun hemm kandidati aktar milli jkun hemm siġġijiet parlamentari u t-tesserati ta’ sikwit ikollhom għażla dwar liema kandidat ikunu jixtieġu jappoġġjaw fit-tellieqa għas-siġġu parlamentari. Iżda kap tal-partit hemm wieħed biss u jidher ħadd ma talab li jeħodlu postu.

Fejn tidħol il-mentalità, jidher li hemm baħar jaqsam bejn dawk li huma membri ta’ partit li jħallsu l-miżata u dawk li jipparteċipaw f’demokrazija billi jivvutaw f’kull elezzjoni. Il-partit politiċi għandhom kull dritt li jagħżlu lill-mexxejja tagħhom. Il-mexxejja magħżulin imbagħad jiġu proposti lill-elettorat u l-elettorat ikollu d-dritt kollu li jiċħadhom.

Il-Partit Laburista tar-Renju Unit kien għażel lil Jeremy Corbyn. Id-Demokratiċi fl-Istati Uniti jidher li qed jitħajjru li jagħżlu lil Bernie Sanders. Dawn l-għażliet jagħmluhom għaliex ikun jidhrilhom li l-kandidati magħżula jirriflettu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Iżda huwa fatt li dawk il-kandidati li jkun jirriflettu l-ħsibijiet u s-sentimenti tat-tesserati x’aktarx ma jkollhomx il-ħila li jersqu qrib l-elettorat li soltu jivvota għall-partit avversarju biex, bis-saħħa tal-moderazzjoni u tal-kompromess, ikunu f’pożizzjoni li jibnu koalizzjoni maġġoritarja.

Id-diskorsi ta’ Adrian Delia jinżlu għasel u jdoqqu għal widnejn madwar żewġ terzi tat-tesserati tal-PN.

Diskorsi bħal dawn se jibqgħu jisimgħuhom għaż-żmien li ġej. Il-verità hi li l-appoġġ li għandu Adrian Delia huwa sostanzjali biżżejjed biex jinżamm f’postu (sakemm ma jitlaqx minn jeddu) u huwa dgħajjef wisq biex qatt jirbaħ elezzjoni.

Huwa appuntu dan il-bilanċ li jista’ jwassal għall-qerda.

Il-ħmar il-lejl li qiegħdin ngħixu bħalissa jidher li ser jissokta. Jista’ jiġri li l-PN ma jieħu r-ruħ qatt.

L-ilħna ta’ dawk il-ftit fil-PN li jmexxihom is-sens komun għad ikomplu jsibu lil min joħnoqhom. U Adrian Delia se jkompli jaħli ħinu jagħżaq fl-ilma.

Li kieku Adrian Delia jgawdi l-appoġġ ta’ 80% tat-tesserati, kien ikollu saħħa biżżejjed li jgħaqqad lill-partit. Iżda li kieku jgawdi biss l-appoġġ ta’ 20%, kien ikollu jwarrab jew jitwarrab u l-partit kien jingħaqad.

Iżda l-bilanċ ta’ madwar 50:50 li hemm bħalissa jfisser li l-gwerra bierda li tista’ twassal għal diżastru ser tissokta. F’sitwazzjoni bħal din il-manjanimità ma ssibhiex b’nemes.

U jkun appuntu fi stadju bħal dan li fih Adrian Delia – imsaħħaħ fl-awtorità limitata li għandu u mxekkel min-nuqqas ta’ ħila li jsostni din l-awtorità – jsir tossiku u distruttiv.

Adrian Delia llum se jgħid li s-sondaġġ tal-Malta Today tal-lum hu aħbar tajba għalih. Jista’ jaħseb b’dan il-mod jekk il-limitu tal-ambizzjoni tiegħu hi dik li jkun l-aħħar mexxej tal-PN.