Disprezz. M’hemmx kelma aħjar biex tfisser l-imġieba ta’ Matthew Carbone, l-kelliem ta’ Robert Abela, meta l-bieraħ xehed quddiem il-bord tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Lil membri tal-bord huwa sfidahom ripetutament. Għall-mistoqsijiet tagħhom, huwa wieġeb bi stqarrijiet li kienu jkunu tweġibiet għal mistoqsijiet ta’ natura differenti. Biex ikompli jwaqqa’ l-proċeduri għaż-żuffjett, miegħu kaxkar lil Charlon Gouder.

U gideb kemm felaħ.

Meta ġie mistoqsi jekk, lil dawk il-ġurnalisti li kienu talbu li jagħmlu intervista lil Joseph Muscat, l-uffiċċju tiegħu kienx għamel kundizzjoni li ma jsirux mistoqsijiet dwar Daphne Caruana Galizia, huwa ċaħad li fil-fatt kienet saret din il-kundizzjoni.

Gidba.

Meta ġie mistoqsi l-għala, ġimgħa wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien avviċina lil dawk li kienu qed jipprotestaw u ġibed ritratti tagħhom, huwa wieġeb li kien għamel dak li “l-ġurnalisti kollegi tiegħu” kienu qed jagħmlu. Iżda hu m’huwiex u qatt ma kien ġurnalist. Kien l-assistent kelliem ta’ Joseph Muscat.

Lill-membri tal-bord tal-inkjesta tgħidx kemm irrabjahom hekk kif għamel l-isbaħ nofs siegħa mitluf f’battibekki dwar jekk kellux jagħti daqqa t’għajn jew le lejn ir-ritratti tal-manigoldi li kienu qaflu lill-ġurnalisti fis-Sala tal-Ambaxxaturi ta’ Kastilja f’dak il-famuż lejl li fih kien tlaqqa’ l-kabinett b’urġenza. Għamel sforzi kbar biex ma jweġibx dwar dak li kien seħħ f’dak il-lejl.

Matthew Carbone reġa’ lissen gidba ħoxna meta allega li, minħabba l-protesti tas-soċjeta ċivili, hu u l-kollegi tiegħu kienu ġew mhedda u s-sigurtà tagħhom kienet tqiegħdet f’riskju. Tkellem dwar dawk li “hebbew fuq Kastilja”. X’aktarx li hawn kien qed jirreferi għal dik l-għodwa li fiha tal-Moviment Graffitti għamlu protesta fid-daħla tal-bieb tal-ġenb ta’ Kastilja. Dakinhar ħadd ma kien refa’ jdejh fuq ħadd.

Matthew Carbone semma’ dan l-inċident biex jipprova jiġġustifika l-fatt li ġurnalisti kienu nqaflu fis-Sala tal-Ambaxxaturi u dan minkejja l-fatt li huwa ċaħad li dan l-inċident kien seħħ. U biex tkompli tgħaxxaqha, l-protesta tal-Moviment Graffitti kienet seħħet xi ġranet wara dak il-jum li fiħ il-ġurnalisti kienu nqaflu llegalment fis-Sala tal-Ambaxxaturi.

Tant huma mdorrijin jigdbu li jinsew il-gideb tagħhom stess.

Fuq il-pedana tax-xhieda, Josef Caruana wkoll tilef ħafna mill-memorja. Huwa ċaħad li, ftit wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien għen biex infirxet l-aħbar li l-qtil tagħha kien marbut mal-kuntrabandu taż-żejt u tad-drogi.

U meta ġie muri kopji ta’ tweets li kien għamel huwa stess kif ukoll ta’ kitba tiegħu fil-Facebook (bl-Ingliż), huwa stqarr li hu jikteb bil-Malti biss. Qal ukoll li l-informazzjoni li hemm fit-tweets u fil-Facebook ma kienx ħariġha hu.

Iżda dan kien il-qofol ta’ kollox. Il-messaġġ ta’ Keith Schembri, permezz tal-ħaddiema ta’ taħtu u permezz ta’ Silvio Valletta fil-kwartier tal-pulizija, kellu jwassal biex in-nies temmen li l-motiv wara l-assassinju ma kellux rabtiet mal-politika.

Fil-fatt, ftit siegħat biss wara li seħħ il-qtil, tar-RAI u La Repubblica kienu xandru stejjer dwar rabtiet mal-kuntrabandu fid-drogi u fiż-żjut. U dawn l-istejjer imbagħad ġew ikkwotati fl-istampa lokali u tferrxu minn fuq it-Twitter u l-Facebook minn kelliema tal-gvern bħal Josef Caruana li kkowataw il-għejjun rispettabbli li kienu mmanipulaw huma stess.

Josef Caruana qal li m’huwiex responsabbli għal kitba li huwa jifrex fuq ħaddieħor permezz tal-media soċjali tiegħu. Il-verità hi li r-responsabbiltà hi tiegħu. Hu jaħdem fl-uffiċċju tal-prim ministru u għandu l-awtorità ta’ kelliem tal-gvern. Il-poplu għandu dritt jippretendi li dak li jgħidlu l-gvern jkun mis-sewwa.

Josef Caruana jista’ jibqa’ jirrepeti li “m’huwiex uffiċjal pubblika” kemm irid. Il-verità hi li huwa ħaddiem imlaħħaq fl-uffiċċju tal-prim ministru. U għax hu mlaħħaq, jippretendiha ta’ sors li wieħed jista’ jorbot fuqu. Huwa jitkellem f’isem il-gvern minkejja l-fatt li dan jiċħdu. Il-gideb li jlissen huma l-gideb tal-gvern. Il-gideb li jlissen huma gideb uffiċjali.

Meta xehed il-bieraħ, Caruana stqarr li Joseph Muscat kien ġibidlu widnejh wara li huwa kien ta x’jifhem li Daphne kienet inqatlet mill-membri tal-familja tagħha stess u li dawn kienu għattew il-provi dwar ir-reat li kienu wettqu. Mid-dehra, Joseph Muscat lil Josef Caruana qallu li diskors bħal dan miktub minn ħaddiem fl-uffiċċju tiegħu ma kienx aċċettabbli.

Josef Caruana imbagħad qal li jisgħobbih li kien imbarazza lill-prim ministru tiegħu. Iżda ma wera’ ebda sogħba għall-gideb li kien firex u rrepeta.

Il-bieraħ il-vittmi tal-gideb tiegħu kienu preżenti fil-kamra. Kien hemm Peter Caruana Galizia, ibnu Matthew u Corinne Vella, oħt Daphne. Josef Caruana kieku ried seta’ dar fuqhom u skuża ruħu magħhom talli kien stqarr li kienu huma li qatlu lil Daphne.

Ma tarax!

Minflok, meta ssemma’ l-artiklu li huwa kien kiteb u li fih talab li jiġu “eliminati” ġurnalisti – l-iprem fosthom Daphne Caruana Galizia – huwa stqarr li kellu jikteb dan għaliex dawn in-nies kienu “għamlu ħsara lill-gvern”.

Dan l-atteġġjament m’hu xejn ħlief wieħed ta’ disprezz lejn l-inkjesta indipendenti. Dawn huma nies li qed jarmu l-baħar l-opportunità li jgħidu l-verità, li juru s-sogħba tagħhom, li jerfgħu fuq spallejhom is-sehem tagħhom għar-responsabbiltà li seta’ kellhom fl-assassinju ta’ ġurnalista u għall-impunità ta’ dawk li kienu direttament responsabbli.

Bis-saħħa tal-presenza tal-avukat tagħhom  – Charlon Gouder – dawn fittxew li jdawru inkjesta f’dibattitu kontenzjuż. Fi kliem ieħor, fittxew li jfixklu t-tfittxija tas-sewwa billi mexxew narrattiva li fiha huma ppruvaw ipinġu lilhom infushom bħala l-vittmi.

Alla biss jaf x’ser nisimgħu hekk kif Neville Gafà jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda nhar l-Erbgħa.

Minkejja l-fatt li ma seta’ qatt jinkrimina ruħu, Matthew Carbone għamel minn kollox biex ma jweġibx il-mistoqsijiet li għamlulu l-membri tal-bord tal-inkjesta. Huwa ġie mitlub jidentifika lill-manigoldi li kienu f’Kastilja – ħaġa li seta’ jagħmel mingħajr xkiel. Iżda tant huwa mgħarraq fil-korruzzjoni tal-uffiċċju li hu jagħmel parti minnu li sabha diffiċli li jikkollabora ma’ inkjesta indipendenti. Beda’ jitkellem biss meta iddendlet fuq rasu t-theddida tal-arrest.

Kif ser iġib ruħħom quddiem l-inkjesta Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Joseph Muscat?

Hemm ukoll kwistjoni oħra li tqanqal it-tħassib. Matthew Carbone u Josef Caruana intalbu jwieġbu dwar l-imġieba tagħhom bejn l-2013 u Diċembru li għadda meta Joseph Muscat kien għadu prim ministru. Joseph Muscat issa m’għadux prim ministru iżda dawn xorta waħda għadhom jaħdmu fl-uffiċċju tal-prim ministru.

Din is-sitwazzjoni li waħda ta’ tħassib. Robert Abela ma kellux għalxiex iżomm lil dawn il-qaddejja tar-reġim kriminali li kien hemm qabel. Ħaddiema li jkunu ħadmu taħt prim ministru uxxenti m’għandhom qatt jippretendu li jinżammu f’posthom.

Meta Lawrence Gonzi daħal flok Eddie Fenech Adami, huwa kien ħatar ħaddiema tiegħu u dawk li servew taħt il-prim ministru ta’ qablu kellhom ifittxu xogħol ieħor. U l-ħaddiema li kienu jaħdmu fl-uffiċċju tal-prim ministru fi żmien Eddie Fenech Adami ma kellhom xejn fuq il-kuxjenza tagħhom.

Jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu Robert Abela għandu ħaddiema li mbarazzaw lill-amministrazzjoni tiegħu bl-imġieba tagħhom quddiem il-bord tal-inkjesta u li ppruvaw jiżolqu mill-mistoqsijiet li sarulhom minn grupp ta’ mħallfin irrabjati f’inkjesta dwar il-qtil ta’ ġurnalista.

Robert Abela dan kollu x’jambih? Dawn il-qlafat x’jambihom ma saqajh?