Ma ħassejt ebda sodisfazzjon jien u nisma’ l-leħen rekordjat ta’ Yorgen Fenech jikkonsla li hemm biss ftit eluf ta’ “iddisprati” li jisgħobbihom għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-kelma “iddisprati” u kliem oħra simili bħal “indannati”, “imdejjqin”, “iffissati” (kliem li ta’ sikwit jkunu kwalifikati b’dak in-numru proverbjali Malti li jfisser nuqqas ta’ rilevanza: “erba’ iddisprati, erba’ indannati,” eċċetra) ma kienux immirati lejn dawk li qed jagħmlu kampanja favur il-ġustizzja minn Yorgen Fenech biss. Dawn huma kliem li jitlissnu l-ħin kollu minn bosta.
Lanqas ma ħassejt xi sodifazzjon jien u nisma’ l-leħen rekordjat ta’ Yorgen Fenech jikkonsla li “saħansitra anki (il-kap tal-PN Adrian) Delia jiġi jaqa’ u jqum dwar il-qtil ta’ Daphne”.
Anki għal persuna li huwa nvolut f’każ qtil, ħaġa bħal din mhux faċli li tgħidha jew anki li taħsibha.
Jekk m’hi xejn, din hi prova tal-fatt li kieku Daphne Caruana Galizia ma kienitx tant iżolata, kien ikun ħafna aktar diffiċli li jassassinawha.
Niftakar iż-żmien li fih Daphne kienet kitbet dwar il-mument li fih il-prim ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi kien ġie sfidat mill-Partit Laburista biex “jikkundanna lil Daphne Caruana Galizia” dwar suġġett ta’ natura kontroversjali li kienet kitbet dwaru. Kien tipikament suġġett li seta’ jimbarazza lill-PN jew lill-gvern tal-PN li kieku dawn ma kienux juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għalih. Kien suġġett li dwaru l-PN jew il-gvern tal-PN kien jippreferi li jżomm is-skiet.
Iżda Lawrence Gonzi mill-ewwel kien fehem li “kundanna” mill-gvern fil-konfront ta’ ġurnalista kienet tkun agħar milli kieku kellu jħalli lil tal-Labour iwaħħlu fil-PN għal xi ħaġa spjaċevoli li tkun kitbet Daphne.
Għaliex, kif hi spjegat għal diversi drabi, l-politiċi jistgħu “jikkundannaw” lil xulxin, li “jattakkaw” lil xulxin u li jkunu pjuttost aggressivi ma xulxin. Prattikament huma fid-dmir li jagħmlu dan. Biex ikun jista’ jirreġistra l-progress, biex ikun jista’ jiċċara kull politika alternattiva u biex ikun f’pożizzjoni li jipprovdi triqat ġodda, fi ħdan id-diskors politiku jeħtieġ li jkun hemm id-diverġenzi.
Iżda f’ambjent demokratiku, x-xenarju huwa wieħed għal kollox differenti fejn jidħlu l-ġurnalisti u l-klassi politika. Il-politiċi huma fid-dmir li jħarsu lill-ġurnalisti, b’mod partikolari dawk il-ġurnalisti li jikkritikawhom.
Għal snin twal, il-Partit Laburista kien għamel l-almu kollu tiegħu biex lil Daphne Caruana Galizia jiżolaha. Iżda meta l-affarijiet bdew imorru għall-estrem, bħal meta Chris Cardona ipprova jkisser finanzjarjament lil Daphne Caruana Galizia talli din kienet qabditu bil-qalziet imniżżel, il-PN kien immobilizza n-nies biex jappoġġjawha. Il-PN kien ra kif għamel biex ma jitlaqhiex weħidha u l-istejjer li kienet kitbet dwarhom, għamilhom tiegħu.
Ikun qed iħares lill-ġurnalisti u lill-whistleblowers kull min japprezza l-ħidma tagħhom u min jikkunsidra x-xogħol tagħhom bħala wieħed importanti fit-tħaris tad-demokrazija.
Kien Adrian Delia li wassal għall-konklużjoni tagħha l-mira tal-Partit Laburista li jiżola lil Daphne u fil-proċess, dawk li jirrispettaw il-ħidma ġurnalistika tagħha wrew li kienu lesti li jiddisassoċjaw ruħħom miż-żewġ partiti. Dawn kienu l-hekk imsejjħa erba’ ddisprati.
Din tibqa’ r-raġuni ewlenija il-għala Adrian Delia ma jista’ qatt imexxi lill-PN lejn rebħa elettorali. Jgħid x’jgħid issa biex jipprova jħares il-ġilda politika tiegħu, lil Yorgen Fenech kien ġiegħlu jħossu komdu li kien qatel lil Daphne Caruana Galizia. Uħud minna dan ma jistgħu jinsewh qatt.
Niftakru l-kuntest tal-leħen irrekordjat ta’ Yorgen Fenech żmien wara li kien twettaq il-qtil. Yorgen Fenech jinstema’ jikkonsla lilu nnifsu għall-fatt li l-ambivalenza ta’ Adrian Delia mal-kawża tal-ġustizzja għal Daphne tista’ tgħinu jkompli jgawdi l-impunità għall-qtil li kien wettaq.
Leħen Yorgen Fenech ma jinstemgħax jelabora fuq dan il-punt. Iżda seta’ faċilment stqarr li l-mod li bih il-mezzi tax-xandir tal-PN għal xhur sħaħ kienu njoraw l-attivitajiet tal-kampanja għal ġustizzja għal Daphne, kien għen biex titnaqqas u titmewwet il-pressjoni li kienet qed issir fuq l-awtoritajiet sabiex tittieħed azzjoni. Seta’ faċilment stqarr li kien sab spalla mill-mezzi tax-xandir tal-PN meta dawn kienu għamlu l-almu tagħhom biex jiskreditaw lil tal- Occupy Justice bis-saħħa tax-xandir ta’ stejjer foloz. Bħal meta qalu li dawn kienu qaqoċċa ma’ Joseph Muscat b’riżq l-introduzzjoni tal-abort. Jew meta tan-NET kienu għawwġu dak li kont ktibt, għajjruni giddieb u naqsu li jikkoreġu l-gideb li kienu xandru sakemm kellha tkun il-qorti li ġiegħelithom jagħmlu dan.
Illum it-Times of Malta xandret storja fis-sens li fl-2015 Yorgen Fenech kien għamel attentat biex jixtri lil The Malta Independent. Dan kien żmien li fih Pierre Portelli kien wieħed mis-sidien tal-ġurnal u effettivament kien ukoll l-editur tiegħu. Aktar tard daħal jaħdem mal-Partit Nazzjonalista u mexxa’ kampanja ta’ tfiegħ ta’ tajn biex jiġu skreditati dawk li kienu qed iniedu kampanja biex issir ġustizzja ma’ Daphne.
Hemm wisq kumbinazzjonijiet.
X’aktarx li ma kienux il-politiċi li għafsu l-buttuna tal-bomba li spiċċat biex tajjret u qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Iżda kienu huma li ħolqu ambjent li fih il-qattiela tagħha setgħu iwettqu l-għan imxajtan tagħhom bl-antiċipazzjoni li mbagħad ikunu jistgħu jgħadduha lixxa.
Adrian Delia kien mingħalih li l-kandidatura u l-elezzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-PN tagħtu xi dritt li jgħid u li jagħmel dak li jfettillu u li għalhekk il-konsegwenzi ma kellhomx ikunu mportanti. Dawn il-konsegwenzi jinkludu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jista’ Adrian Delia jserrħilna rasna li l-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-PN ma kienitx finanzjata parzjalment minn Yorgen Fenech? Jista’ jserrħilna rasna li Yorgen Fenech ma ffinanzjax lill-PN kemm ilu li ħa r-riedni tal-partit f’idejh?
Min jaf? Forsi jekk dawk li semgħu il-leħen rekordjat ta’ Yorgen Fenech jikkonsla lilu nnifsu bil-fatt li Adrian Delia jiġi jaqa’ u jqum mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għandhom mnejn jibdew jifhmu aktar l-atteġġjament ta’ oħt Daphne meta f’Ottubru li għadda warrbet kuruna tal-fjuri li tqiegħdet mal-mafkar ta’ quddiem il-qorti minn Adrian Delia. Hu jista’ jkun li tilef il-voti u l-appoġġ. Iżda hi tilfet lil oħtha.
Hemm politiċi li ma japprezzawx li għandhom jitkellmu b’responsabbiltà u li din ir-responsabbiltà tinkludi l-ħarsien ta’ ħajjet il-kritiċi tagħhom.
Ikkunsidraw ftit kif it-trolls fanatiċi ta’ Adrian Delia qed jagħmlu kampanja biex jiskreditaw lid-deputat tal-PN Jason Azzopardi. L-insulti, t-tgħajjir, iż-żeblieħ u t-theddid li sab ma’ wiċċu dan il-bniedem huma agħar minn dawk li s-soltu jsiru mill-partitarji tal-Labour. Ċertament m’huwiex waħdu jiffaċċja dan l-atteġġjament malinn.
Jason Azzopardi qed ikun strumentali fil-kxif ta’ aktar borom dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda għal Adrian Delia jkun jaqbel jekk Jason Azzopardi jiġi skreditat.
Il-politika tal-konvenjenza bi sserraħ fuq it-trolling u l-iżolament tal-kritiċi qed jidhru għal darb’oħra bħala sintomu tal-indifferenza għall-kawża tal-ġustizzja fil-każ tal-qtil ta’ ġurnalista.
Dawn ma jitgħallmu qatt. Saħansitra anki meta nitkexkxu nisimgħu leħen il-qattiel jitkellem dwar politiċi li jħaffulu triqtu, dawn l-istess politiċi jibqgħu konvinti li huma allat żgħar u li mhux possibbli għalihom li jiżbaljaw.