Id-deputata tal-PN fuq id-9 distrett Marthese Portelli għadha kemm ħabbret ir-riżenja tagħha mill-Parlament. Is-siġġu parlamentari tagħha issa jeħtieġ li jimtela’ minn kandidat li jitla’ minn elezzjoni każwali. Marthese Portelli ilha sservi bħala membru parlamentari mill-2013 u kienet ġiet eletta f’żewġ elezzjonijiet fuq xulxin.

Fil-Facebook hi rringrazzjat lill-Kapijiet tal-Oppożizzjoni li serviet taħthom: Simon Busuttil u Adrian Delia.

Ir-riżenja tagħha kienet konsegwenza ta’ ġimgħat sħaħ ta’ demoralizzazzjoni u ta’ pessimiżmu dwar iċ-ċansijiet li l-PN jinqala’ mill-qiegħ li jinsab fih. Bosta huma dawk id-deputati tal-PN li esprimew in-niket tagħhom ma’ ħbiebhom u mal-kollegi tagħhom fil-grupp parlamentari għall-fatt li kull sforz li jagħmlu li jista’ jagħti ftit tan-nifs lill-PN qed jisfa’ fix-xejn minħabba d-deċiżjonjiiet li qed jittieħdu mill-kap tal-partit Adrian Delia u minn dawk ta’ madwaru fl-amministrazzjoni tal-PN.

Numru ta’ deputati qaluli li fil-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-bieraħ bosta kienu dawk li esprimew in-niket tagħhom għall-fatt li, minkejja l-pariri li qed jingħata, Adrian Delia baqa’ jwebbes rasu li ma jiċċaqlaqx mill-pożizzjoni li jkun ħa dwar kwistjonijiet li fuqhom ikun hemm nuqqas ta’ ftehim.

Xi deputati qaluli li, f’diversi okkażjonijiet, Adrian Delia kien isejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari biss biex jinforma lill-membri dwar deċiżjonijiet li jkun diġà ħa. U kull min juri li ma jaqbilx, jiġi injorat u bosta minnhom qed iħossu li ma fadlilhom ebda skop li jkomplu jservu fil-parlament.

Marthese Portelli ma qalitx x’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħha. Osservaturi madankollu jsostnu li bosta mid-deputati fil-grupp parlamentari tal-PN qed iħossu li qegħdin biss jokkupaw siġġu parlamentari bis-saħħa tal-fatt li kienu ġew eletti f’Ġunju 2017 minn ħdan partit li kien totalment differenti minn dak li hu llum.

X’aktarx li fil-ġejjieni jkun hemm aktar riżenji mill-grupp parlamentari tal-PN.

Marthese Portelli wasslet id-deċiżjoni tagħha direttament lill-iSpeaker u ħabbritha fil-Facebook x’aktarx biex ma tagħti ebda ċans lil min ried jipperswadiha treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha li tabbanduna l-ħajja politika.

X’aktarx li s-siġġu parlamentari tagħha jirbħu n-negozjant Ivan Bartolo li ma kienx ġie elett fl-elezzjoni tal-2017. Għalkemm m’hemm garanzija ta’ xejn, jidher li bis-saħħa tal-voti li kien ġab fl-2017, huwa għandu l-akbar ċans li jirbaħ l-elezzjoni każwali.

Ivan Bartolo kien appoġġja l-kandidatura ta’ Adrian Delia għat-tmexxija tal-PN fis-sajf tal-2017. Madankollu, mal-medda taż-żmien, spiċċa biex iddiżappunta ruħu bit-tmexxija ta’ Adrian Delia l-aktar meta dan naqas li jagħtih l-appoġġ meħtieġ biex jitwettqu r-riformi fil-partit.

Fl-2019, Ivan Bartolo kien mexxa’ petizzjoni lill-kunsill ġenerali tal-PN biex Adrian Delia jitwarrab mit-tmexxija tal-partit, iżda l-mozzjoni tiegħu kienet ġiet megħluba.