Fil-kanzunetta huwa jilmenta dwar il-fehma ta’ wħud li s-swieq għandhom il-ħila jsibu tarf ta’ kollox, li negozji li jkunu zopop għandhom jitħallew jerfgħu u li l-għeluq tagħhom ikun ta’ ġid għall-komunità. Jilmenta wkoll li llum ma fadalx soċjalisti veri li huma lesti li jopponu din l-attitudni Darwinjana fil-konfront tal-ħajja ekonomika u soċjali.
F’ċirkostanzi normali, dibattitu fuq suġġett bħal dan għandu ikun wieħed interessanti. Iżda ċ-ċirkostanzi preżenti huma kollox barra normali.
Huwa evidenti li bħalissa qed jintlaqtu ħażin negozji b’saħħithom, ħaddiema effiċjenti, investituri u nnovaturi bl-istess mod li qed jintlaqtu dawk li fl-ekonomija huma kunsidrati dgħajjfa. Huma biss il-ħaddiema tal-gvern, dawk li jaħdmu mas-servizzi mediċi u d-deffiena li m’humiex f’riskju li jitilfu ħobżhom.
Mill-bqija, l-ekonomija tinsab wieqfa. Ma jistax ikun mod ieħor għaliex il-ġlieda kontra l-firxa tal-mard hi priorità assoluta. Iżda issa li l-makna ekonomika tal-pajjiż kellha ta’ bilfors tintefa’, l-gvern jeħtieġ li jibda’ jaħseb biex jibdel ir-rwol tiegħu.
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-ħila tas-suq li jsib tarf tal-problemi meta jkun il-gvern stess (huma x’inhuma r-raġunijiet u, f’dan il-każ, ir-raġunijiet huma korretti u ġustifikati) li joħloqhom bis-saħħa tal-intervent tiegħu.
Il-gvern ma jistax – u m’għandux – jippermetti l-għeluq ta’ negozji li jkunu b’saħħithom matul żmien li fih l-ekonomija tkun tqiegħdet f’koma. Tista’ tgħid li, fi żminijiet bħal dawn, l-aktar analoġiji effettivi huma dawk mediċi. L-ekonomija traqqdet u tqiegħdet f’koma biex din tiġi mħarsa minn marda li qed tipprova teqridha. Iżda issa t-tabib għandu jserraħ rasu li l-pazjent għadu qed jieħu n-nifs u li l-partijiet kollha tal-ġisem qed ikomplu jaħdmu biex il-pazjent mhux biss ma jmutx iżda jkun imħejji għaż-żmien li fih ikun jeħtieġ li jqum minn soddtu.
Il-gvern Malti jidher li m’huwiex lest li jidfen id-domma neo-liberali u ser jibqa’ jmexxi l-ekonomija tagħna bħallikieku l-kriżi li ninsabu għaddejin minnha hi waħda bħall-oħrajn. Matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, il-gvern ta’ Lawrence Gonzi – gvern li x’uħud inġustament xlewh li l-ekonomija kien mexxiha fuq passi li kienu jixbħu dawk tal-Konservattivi tar-Renju Unit – kien intervjena biex isalva lil dawk in-negozji li kienu ntlaqtu ħażin minn dik il-kriżi. Il-gvern tiegħu ried li kull negozju għandu jingħata l-għajnuna kollha biex ikompli jaħdem sakemm tgħaddi l-kriżi u tista’ tgħid li l-pjan ta’ salvazzjoni kien irnexxa.
Iżda l-kriżi tal-2008 tista’ tgħid li kienet biss maltempata żgħira meta wieħed iqabbilha mat-terremot li qed ngħaddu minnu bħalissa. Il-kriżi tal- coronavirus hi bil-wisa’ agħar mill-kriżi tal-2008. Hi bil-wisa’ agħar mill-interventi ta’ wara l-purtiera tal-ħadid li kienu saru fl-ewwel snin tas-snin 80. Hi bil-wisa’ agħar mill-kriżi taż-żejt tas-snin 70. L-ekonomija tad-dinja ilha ma tgħaddi minn kriżi bħal din mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.
Bħalissa l-gvern jeħtieġ li jintervjeni, jmexxi u jikkontrolla l-ekonomija sabiex iħares mit-tiġrif lill-infrastruttura tagħha.
Il-gvern jeħtieġ li jħallas il-pagi tal-ħaddiema sakemm dawn ikunu ordnati jibqgħu f’darhom mingħajr ma joqgħod jara minn fejn jista’ jiffranka l-ispejjeż. Il-gvern għandu jara li jibqgħu jitħarsu l-vantaġġi kompettivi li gawdiet Malta qabel feġġet madwar id-dinja l-marda tal-coronavirus u dawn għandhom jibqgħu bla mittiefsa sakemm jasal iż-żmien li jerġgħu jiġu applikati.
Dan kollu huwa l-oppost ta’ dak li kellu f’moħħu Silvio Schembri. Minflok inkeċċu lill-barranin ‘il barra, jeħtieġ li naraw li dawn jibqgħu hawn. Jeħtieġ li nipperswaduhom jibqgħu hawn għaliex irridu li Malta – saħansitra anki fi żminijiet diffiċli – tibqa’ post attraenti għalihom. Għaliex il-preżenza tagħhom fil-pajjiż hi meħtieġa u l-impenn li kellhom xahar ilu favur is-suċċess ta’ Malta jeħtieġ li jkompli jissaħħaħ anki wara li tgħaddi l-kriżi. Jekk dawn jitilqu mill-pajjiż f’dan l-istadju, jkollna nerġgħu nibdew mill-ġdid.
Dan hu minn ewl id-dinja għal kwalunkwe tip ta’ negozju. Wara l-tgħaddi l-kriżi, l-lukandi tagħna jeħtieġ li jkunu għal lest biex jaħdmu: l-koki, l-managers, il-ħaddiema tat-tindif u x-xufiera jeħtieġ li jkunu preparati biex jerġgħu jibdew jaħdmu bħallikieku l-coronavirus baqa’ ma feġġ qatt.
Jekk l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema ma jitħarsux, jekk dawn jispiċċaw barra t-triq għax ma jkollhomx minn fejn iħallsu l-kera ta’ darhom, jekk il-banek jitolbu lura mingħandhom il-ħlas ta’ djun u jekk dawn jitħallew jitilqu mill-pajjiż, Malta ma tkun tista’ terġa’ tieħu r-ruħ. U dan biex ma nsemmix li jkun ħafna aktar diffiċli li nirpiljaw kemm il-darba l-gvern jippermetti l-għeluq tal-lukandi.
Semmejt il-lukandi għaliex dawn huma eżempji li huma ovvji. Iżda dan ir-raġunar japplika għan-negozji kollha għaliex kull xogħol produttiv għandu rwol ewlieni b’riżq il-vijabilità tal-ekonomija tagħna. F’dan l-istadju ma nistgħux nippermettu li jitilfu ħobżhom l-għalliema tal-iskejjel tal-istat u dawk privati, l-parrukkiera, l-avukati li jaħdmu fil-qasam tal-liġi tal-avjazzjoni, t-terapisti, x-xufiera tat-taxis, il-gwidi tat-turisti, l-iżviluppaturi tal-gaming, l-artisti, l-mużiċisti, d-disinjaturi, l-psikologi u l-iskrivani tal-banek. Ma nistgħu qatt nippermettu l-falliment tan-negozji u t-telfien tat-talenti.
Fi kliem ieħor, ma nistgħux inħallu lill-marda tal-coronavirus teqridilna lill-ekonomija tagħna, għalkemm din jeħtieġ li titraqqad minħabba l-kriżi.
Dan ifisser li l-gvern jeħtieġ li jordom id-domma tiegħu dwar is-suq. Bħalissa s-suq jinsab sospiż u dan jista’ jinqered totalment jekk lin-negozji nħalluhom igħalqu. Jekk il-gvern se jfittex li jintervjeni mill-inqas fl-ekonomija – u s’issa hekk jidher li ser jagħmel – se jkun hemm eluf ta’ negozji li jkollhom igħalqu. U, sa tmiem din il-kriżi, jkun hemm eluf ta’ ħaddiema qiegħda.
Il-gvern mhux ser isib tarf tal-kriżi bid-deċiżjoni li ħa li jtawwal iż-żmien għall-ħlasijiet ta’ kontijiet li għandu jiġbor. Il-gvern ma jkunx qed igħin meta jislef flus lil min ma jkunx jista’ jħallas il-kontijiet. Dan is-self x’aktarx ikollu l-effett li jkompli jgħarraq li dawn in-nies taħt l-ilma.
Il-gvern jeħtieġ jirrikonoxxi li din il-kriżi m’hix waħda tas-soltu u li hi waħda li għandha tfisser gwerra totali. L-infrastruttura ekonomika ntiera tal-pajjiż għandha titraqqad għal żmien temporanju biex il-gvern jikkonċentra fuq il-ġlieda kontra l-marda u fuq it-tħaris ta’ saħħet il-poplu. U jiżbalja minn jaħseb li din il-kriżi ser tintemm wara biss ftit ġimgħat. X’aktarx li t-taqtiegħa kontra l-marda se tibqa’ għaddejja tul il-biċċa l’kbira tas-sena 2020.
In-negozji li huma b’saħħithom, il-gvern ma jistax jippermettilhom li jgħalqu. Jeħtieġ li l-gvern idaħħal idejh f’butu biex jara li l-ekonomija tibqa’ ħajja. Kull ħaddiem għandu jibqa’ jirċievi s-salarju tiegħu u l-gvern m’għandux biss jintervjeni biex jiggarantixxi l-ħlasijiet lura ta’ self. Għandu wkoll jintervjeni biex iħallas dawn id-djun sakemm in-negozji li jirpiljaw u jkollhom minn fejn iħallsuh.
Mhux biżżejjed li l-gvern jimpenja ruħu li jħallas kwint, terz jew nofs is-salarji. Negozju li ma jkollux xogħol m’huwiex f’pożizzjoni li jibqa’ jħallas nofs is-salarju għal żmien indefinit. Fil-fatt ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas is-salarju u huwa proprju hawn fejn għandu jintervjeni l-gvern.
Il-gvern jeħtieġ li jkun il-garanti aħħari u jeħtieġ li jintervjeni biex jara li n-negozji ma jfallux, li dawk li jiggarantixxu t-tkomplija tan-negozju ma jfallux u li l-bankiera tagħhom ma jfallux.
Wara kollox, wara li tgħaddi l-kriżi, kif qatt jista’ jirpilja suq mingħajr banek, mingħajr kumpanniji tal-assikurazzjoni, mingħajr negozji u mingħajr ħaddiema?
Għaldaqstant il-gvern jeħtieġ li jagħmel aktar passi milli għamel il-bieraħ. Jeħtieġ li joħroġ aktar flus milli s’issa wiegħed li bi ħsiebu joħroġ. Ħuġġieġa kbira ma tista’ qatt titfiha b’erba’ bramel ilma biss. Tkun trid ir-riżorsi kollha li jkunu għad-dispożizzjoni tiegħek biex tkun tista’ tegħleb kriżi ta’ din in-natura. U dan huwa żmien ġustifikat li nagħmlu dak kollu li jeħtieġ biex nirbħu din il-gwerra akkost li niddejnu bil-kbir.
Meta niftakar li Robert Abela sabha bi tqila saħansitra li jordna l-għeluq tal-gyms, bejni u bejn ruħi ma stajtx nimmaġina x’ser jagħmel meta jiġi biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet li tassew huma meħtieġa. Edward Scicluna jinsab ingeżwer b’mantell neoliberali li tant idejjaq lil Mario Vella. U niddubita kemm Silvio Schembri jaf dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u dwar ir-realtajiet ekonomiċi li ġġib magħha l-gwerra.
Malta tinsab f’idejn dawn in-nies. Pajjiżna qed jitmexxa’ minn Robert Abela u minn dawk ta’ madwaru fl-agħar żmien fl-istorja ekonomika moderna.
Dan il-fatt waħdu jqanqalli nkwiet f’moħħi aktar mill-inkwiet dwar l-epidemija.