Mal-mogħdija taż-żmien, qed jidher aktar ċar li x-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni li qed issir kontra dak li qed jingħad li huwa l-moħħ wara l-qtil ta’ ġurnalista, m’huwiex igħid il-verità kollha. Qed jilgħab man-nar, l-aktar meta wieħed iżomm f’moħħu li l-proklama kienet ingħatatlu bil-patt li jgħid il-verità kollha.
Għalkemm dan ix-xhud ewlieni m’huwiex l-uniku sors, xi ftit mill-mistoqsijiet kbar qed iwieġibhom hu stess. Yorgen Fenech ukoll qed jitlob li jingħata proklama u qed igħid li lest li jikxef aktar mill-verità dment li l-prezz li jitħallas ikun wieħed xieraq.
Bl-istorja li qed jirrakkonta Melvyn Theuma, jidher li qed jipprova jgħatti xtur l-uffiċċju ta’ Joseph Muscat. Wara Kenneth Cutajar u Sandro Craus – u, m’għandniex xi ngħidu, Keith Schembri – illum fit-Times of Malta issemmiet uffiċjal ieħor fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, ċerta Charlene Bianco Farrugia, li kienet taħdem bħala assistenta ta’ Keith Schembri.
Jidher li wara li kienu għaddew tliet ġimgħat mill-assassinju, din kienet iltaqgħet ma’ Melvyn Theuma. Fl-10 ta’ Novembru, meta kien għadu lanqas biss għadda xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jidher li l-aġent li kien qabbad lill-assassini kien imħasseb waħda sewwa. Ma kienx kuntent bil-mod kif kien qed jaħdem id-dipartiment tat-toroq fit-triq tiegħu!
Issa ippruvaw emmnu dan li ġej. Il-klijent tal-aġent tal-assassini – wieħed mill-aktar persuni għonja li hawn f’Malta Yorgen Fenech – irranġalu biex ikun jista’ jiltaqa’ mal-persuna l-aktar setgħana f’Malta – Keith Schembri – biex dawn jiddiskutu x-xogħolijiet fi triq mill-aktar imbiegħda u nsijifikanti x’imkien fl-inħawi taż-Żurrieq.
U issa ppruvaw emmnu din li ġejja wkoll. Din il-konversazzjoni surreali kienet qed isseħħ fl-uffiċċju governattiv l-aktar setgħan f’Malta, ftit metri ‘l bogħod mill-kamra tal-prim ministru u dan tliet ġimgħat biss wara li kien seħħ l-ewwel assassinju politiku premeditat fl-istorja tal-pajjiż.
Inkredibbli. Din l-istorja inħbiet u nkixfet proprju issa. M’għandix dubju li x-xhud ser igħid li qatt ma kien għaddielu minn moħħu li diskursata dwar it-triq fejn joqgħod kellu għalfejn joqgħod isemmiha. Iżda diskursata bħal din dwar triq li seħħet dak iż-żmien u fil-kuntest li saret ċertament ma kienitx tkun sinjifikanti biżżejjed biex setgħet qatt seħħet tassew.
Ma nistax ma nikkonkludix li x-xhud qed jipprova jgħaddi lil kulħadd biż-żmien.
U dawn l-istejjer kollha qed jiġu rakkuntati biex tiġi aljenata l-attenzjoni mir-realtà aktar konvinċenti li l-pjan tal-assassinju ma tfassalx biss fir-remissa tal-patata fix-xatt tal-Marsa iżda li tfassal ukoll f’post li hu mżejjen qisu mużew b’inkwatri u vażuni, b’soqfa għoljin u b’pavimenti tal-injam ileqq.
Għaliex qed jidher ċar li dak kollu li Melvyn Theuma m’huwiex jitkellem dwaru jidher li seħħ fl-inħawi tal-kamra tal-prim ministru f’Kastilja.
Melvyn Theuma m’huwiex igħid il-verità kollha biex b’hekk igħatti d-dnubiet ta’ Keith Schembri. Biex b’hekk ukoll jitgħattew id-dnubiet ta’ Joseph Muscat, ta’ Konrad Mizzi u ta’ Chris Cardona. Minkejja l-fatt li dawn ilkoll tilfu s-siġġu tas-setgħa governattiva, huwa fl-interess tal-Partit Laburista li l-verità dwar l-involviment ta’ dawn kollha ma tinkixifx u tibqa’ mistura.
Qed nerġgħu koppi kif konna erġajna koppi wara Diċembru 2017 meta l-aħwa Degiorgio u Ċensu Muscat kienu ġew arrestati għall-ewwel darba. Dawk l-arresti kienu seħħew għaliex Joseph Muscat u l-klikka tiegħu ma setgħux iżommu lill-FBI, li nzertat kienet f’Malta, milli twettaq ix-xogħol tagħha bis-serjetà.
Wara dakinhar, il-klikka ta’ Muscat ħadmet qatigħ għal sentejn sħaħ biex tipprova tkompli tgħatti x-xtur. Sakemm imbagħad f’Novembru 2019, il-Europol kixfet lil Melvyn Theuma.
Joseph Muscat u l-klikka ta’ madwaru tkexkxu bil-biża’ iżda ppruvaw iħejju ruħħom għal dak li basru li kien għadu ġej. Is-siġġu tal-poter kellhom jerħulu iżda xorta waħda ħadmu kemm felħu biex ix-xtur jibqa’ mgħotti u biex jibqa’ ma jinstab ebda tarf.
Il-manuvri mxajtna li kienu ġiegħlu bosta nies jirrabjaw tant li dawn bdew sensiela ta’ protesti fit-toroq kważi kuljum għal aktar minn xahar sħiħ, lil Joseph Muscat servewh: il-proklama lil Melvyn Theuma, il-proklama miċħuda lil Yorgen Fenech, l-elezzjoni ta’ Robert Abela. Il-kriżi li jinsab fiha l-korp tal-pulizija saħansitra qed tiġi wżata biex tiġi evitata investigazzjoni suret in-nies u wkoll biex jiġu evitati l-arresti.
Joseph Muscat m’għandux żejt f’wiċċu u issa qed jagħmel użu mill-kredenzjali tiegħu bħala eks-prim ministru biex jinnegozja kuntratti li jiddependu mill-ġid tal-gvern biex igawdi personalment. M’hemmx dubju li għal dan il-bniedem, il-korruzzjoni hi bla limitu u jrid jibqa’ jgħaffeġ fil-ħmieġ sal-mewt.
Il-Malta Today xandret storja dwar in-negozju li qed jipprova jagħmel Joseph Muscat għall-ħolqien ta’ high security bonded stores u qalet li “Muscat’s exchange with Bouvier illustrates not just the problems of Malta’s lack of revolving doors rules, where a former PM can potentially use contacts acquired during his time in government for private gain. It also shines a light on why a partnership with Bouvier himself could be ill-advised for Malta’s reputational problems on money laundering.”
Joseph Muscat issa bħal donnu qed jaħdem għal dak li kien jeħodlu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi. Kurt Farrugia, li għad irid jixhed fl-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, jmexxi lill-Malta Enterprise li hi l-istess “entità pubblika” li jidher li qabbdet lil Joseph Muscat biex imexxi n-negozjati f’isimha. B’kumbinazzjoni mill-aktar ironika, dan kollu seħħ fl-istess ġimgħa li l-Kummissarju dwar Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler stqarr li r-regolamenti xorta waħda għandhom jinkitbu għal dak li dejjem kien kunsidrat bħala sens komun: jiġifieri li eks-ministri m’għandhomx jinnegozjaw f’isem l-eks kollegi tagħhom għallinqas sakemm igħaddi ċertu żmien.
Dalgħodu Justyne Caruana kienet il-qorti flimkien ma’ klijent tagħha li hu dipartiment tal-gvern. L-istess gvern li minnu kienet warrbet skreditata ftit jiem wara li kien warrab Joseph Muscat u dan minħabba l-fatt li żewġha – persuna mlaħħqa fil-korp tal-pulizija – kien għatta xtur Yorgen Fenech.
Wieħed jeħtieġ jiftakar li fl-istqarrija tiegħu George Hyzler tkellem dwar Ministri li jwarrbu f’ċirkostanzi normali bħal meta jirtiraw, ma jitilgħux fil-parlament jew jitneħħew mill-kariga. Allura aħsbu ftit kemm għandu aktar japplika l-prinċipju li semma’ l-Kummissjarju f’ċirkostanzi li fihom ministru jiġi mġiegħel iwarrab – bħalma kien ġie mġiegħel iwarrab l-iskreditat Joseph Muscat – b’dell ta’ assassinju fuq it-tmexxija tiegħu.
Kurt Farrugia m’huwiex l-uniku klijent ta’ Joseph Muscat. L-eks prim ministru jidher li huwa midħla sew ta’ Steward Health Care u għandu nteress li jara li dawn jibqgħu f’Malta u jagħmlu l-qliegħ. Bħalissa għaddejja gwerra fost membri tal-gvern: hemm uħud li jridu jaqtgħu kull relazzjoni ma’ Steward u hemm oħrajn li huma beżgħana mill-konsegwenzi li jista’ jkollu ma’ wiċċu l-Partit Laburista jekk ikun hemm tilwima ma’ Steward li tista’ sservi biex jinkixef il-ħmieġ kollu dwar in-negozju li sar bit-tliet sptarijiet pubbliċi tagħna.
F’Novembru li għadda Joseph Muscat tilef il-kontroll għal ftit żmien. Dak iż-żmien saħansitra anki tat-TVM kienu qed ikunu pjuttost ċari dwar dak li kien qed iseħħ. It-telespettaturi ntwerew filmati ta’ Yorgen Fenech jiġi arrestat u bosta kienu dawk li ntebħu li kienu ġew mgħoddija biż-żmien.
Iżda Joseph Muscat ma telaqx mill-għada u ta lilu nnifsu żmien biżżejjed biex jinnormalizza s-sitwazzjoni. U t-TVM issa reġa’ lura għal dak li kien u qed ikompli jipprova jostor ir-realtà tas-sitwazzjoni billi jpinġi stampa ta’ ġustizzja li suppost qed issir ma’ Daphne Caruana Galizia – persuna li suppost inqatlet minn grupp ta’ nies li ma kellhom ebda raġuni li jobgħoduha.
Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona lkoll ġew imġiegħla jerfgħu mix-xogħol kmieni u issa qed jippretendu li jgawdu personalment.
Fil-frattemp, dawk il-ġurnalisti li qed jaħdmu qatigħ biex iwasslu l-verità qed isibu ma’ wiċċhom kawżi ta’ libell mibdija fil-qrati ta’ pajjiżi oħrajn.
Wara kollox, mhux hekk jistħoqqilhom l-għedewwa tal-poplu?