Dalgħodu l-Facebook xegħel b’rabja kbira għat-traġedja li seħħet il-bieraħ li fiha sfat maqtula mara li spiċċat biex ndifnet taħt it-tiġrif ta’ darha kaġun ta’ tħammil ta’ art li qed isir biswit l-istess dar. Hawn rabja kbira għall-fatt li nċidenti bħal dawn qed isiru dejjem aktar spissi u qed ikunu dejjem aktar serji. In-nies tinsab irrabjata wkoll għall-fatt li f’Lulju li għadda l-Ministru Ian Borg b’ħafna pompa kien ħabbar “riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni li se tagħti serħan il-moħħ lil dawk li joqgħodu biswit artijiet li fuqhom jkun qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni”.
In-nies tinsab irrabjata għall-fatt li b’riħet ir-regolamenti li tfasslu mill-akbar tron tal-għerf li għandu l-pajjiż, il-perit/avukat jew avukat/perit il-Prinċep Robert Musumeci, kellu jkollna rasna mistrieħa. In-nies tinsab irrabjata għall-fatt ġurnalisti jirrappurtaw stejjer bħal dawn bis-solennità kollha u bl-entużjażmu kollu iżda mbagħad malajr jinsewhom hekk kif isseħħ xi ġrajja oħra. In-nies tinsab irrabjata għall-awtoritajiet, għall-periti, għall-iżviluppaturi u għall-politiċi. Hemm min irrabja wkoll għall-fatt li ssejjħet protesta għal-lejla għaliex “il-politika m’għandhiex x’taqsam ma dak li seħħ”. M’hemmx dubju li kulħadd iddispjaċih dwar dak li ġara’ u ħadd m’hu juri indifferenza. L-agħar ħaġa hi li nafu li nċidenti bħal dawn nistgħu faċilment nevitawhom. Ċertament li problema bħal din wieħed ma jsibx tarfha billi jagħmel xi ftit tibdiliet ‘l hawn u ‘l hinn fil-liġijiet. Lanqas ma nsibu tarfhom jekk inserrħu biss fuq l-għerf u l-pariri ta’ Robert Musumeci meta fl-istess waqt nafu li jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet iebsin. Illum qed nifhmu dejjem aktar li ma ssibx tarf tal-problema meta jiġi mgħaġġel il-proċess tal-ippjanar u jitħaffef il-ħruġ tal-permessi. Għandu raġun min igħid li l-irħis għali. Illum qegħdin nifhmu dejjem aktar li min kien ħa d-deċiżjoni li jħalli s-superviżjoni u ċ-ċertifikazzjoni tax-xogħol f’idejn l-iżviluppaturi nnifishom, għamel ġennata anki f’dawk il-każijiet li fihom l-iżviluppatur ikun jinzerta li hu wkoll perit kwalifikat.
Illum qegħdin nifhmu wkoll li l-infurzar ma jistax isir minn dawk li fuqhom suppost għandha ssir l-għassa. Lill-ħalliel li jkun għadu kemm seraq minn bank ħadd m’hu ser imur igħidlu biex jimla’ l-formola tat-taxxa fuq id-dħul u jiddikjara dak kollu li jkun seraq. Issa jien nifhem li l-periti in ġenerali m’humiex bħall-ħallelin li jisirqu mill-banek. Iżda m’huwiex aċċettabbli li dawn jiċċertifikaw xogħol ta’ kostruzzjoni li fih ikunu personalment mdaħħlin. Is-superviżjoni u l-għassa għandha ssir dejjem minn rappreżentanti tal-istat u l-ispejjeż ta’ din is-superviżjoni u għassa għandhom joħorġuhom l-iżviluppaturi. Dan huwa ġust għaliex id-dmir tal-istat li jħares ħajjet in-nies għandu jkun finanzjat minn dawk li potenzjalment ikunu qed joħolqu l-periklu. Għaldaqstant il-periti li jiċċertifikaw ix-xogħol għandhom ikunu aġenti tal-istat u m’għandu qatt ikollhom interess personali fl-iżvilupp jew xogħol li jkun qed isir.
Qabel jingħata permess biex isir xogħol ta’ tħammil jew ta’ kostruzzjoni, għandhom dejjem isiru l-istudji meħtieġa. Ma nistax nifhem kif jista’ qatt ikun hemm avukat/perit jew perit/avukat li jiġġustifika t-tneħħija tal-istudji ġeoloġiċi qabel jingħata permess biex jinbeda’ xogħol ta’ tħammil. Jista’ jagħti l-każ li dan l-avukat/perit jeħtieġ li jkollu lawrja oħra, din id-darba fil-ġeoloġija.
Ir-responsabbiltajiet tal-iżviluppaturi huma kbar. Dawn huma responsabbli li jħarsu s-sigurtà u l-ħajja tal-ħaddiema tagħhom fuq il-lant tax-xogħol. Iżda min hu responsabbli biex iħares is-sigurta u l-ħajja ta’ dawk il-ġirien li jkollhom jissaportu trabijiet, tregħid u ħsejjes kontinwi? Naf ċert li dawk li għandhom id-dmir li jieħdu d-deċiżjonijiet, dan kollu jifhmuh iżda jidher li la għandhom ir-rieda u lanqas il-ħila li jiċċaqilqu. Dawn huma nies li l-industrija tal-kostruzzjoni jsejjħulha l-“mutur tal-ekonomija”. Ma jgħidux, però, li l-mutur għandu jkun wieħed li ma jipperikolax il-ħajja ta’ ħaddieħor. Dawn huma nies li l-iżvilupp ixebbħuh mal-“wiżża li tbid bajd tad-deheb”. Iżda hawn xi ħadd li għandu l-ħila li jiekol id-deheb? U jekk is-saqaf ta’ darna jispiċċa jiġġarraf, il-bajd xorta waħda ma nkunux nistgħu niekluh.
L-unika triq li fadlilna biex inġiegħlu lill-awtoritajiet jerfgħu ir-responsabbiltà li jħarsulna ħajjitna hi li nipprotestaw. Bil-protesti nistgħu naslu u nġiegħluhom jisimgħuna.
Il-lejla fis-7pm Repubblika se ssejjaħ protesta fil-post tat-traġedja. U l-Moviment Graffitti ser isejjaħ protesta oħra għal nhar is-Sibt.