Il-bieraħ Repubblika sejjħet għat-tnedija ta’ investigazzjoni dwar suspetti li l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla għen biex persuni suspettati jaħarbu mill-ġustizzja. Talbet ukoll għat-tkeċċija immedjata tiegħu.
Mix-xhieda li ta Ian Abdilla fil-qorti rriżulta li hu kien ħaġa waħda u kompliċi mal-korruzzjoni, mal-ineffiċjenza u mal-koperazzjoni li sabu l-kriminali mingħand it-tmexxija tal-korp tal-pulizija.
Kienx minħabba inkompetenza, negliġenza jew inkella apposta, jibqa’ l-fatt li Ian Abdilla naqas mid-dmir tiegħu li jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni. Huwa kien wieħed minn dawk li għen biex xterdet l-impunità li spiċċat biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
Wara l-assassinju tagħha, Ian Abdilla għen lill-kriminali biex jaħarbu mill-ġustizzja. Dan jirrendi lil Ian Abdilla responsabbli daqs Joseph Muscat, Keith Schembri u bħal oħrajn li bħalu għad iridu jagħmlu l-kontijiet mal-ġustizzja.
Ian Abdilla għandu jitkeċċa b’effett immedjat mill-korp tal-pulizija.
Repubblika sejjħet għall-ħatra ta’ għadd ta’ persuni kompetenti u integri li jkunu ħielsa mill-infiltrazzjoni tal-mafja u li jkollhom l-awtorità li jmexxu kontra l-kriminali li wettqu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, liema reati kriminali Ian Abdilla għamel sforzi kbar biex jinjorahom. Dawn il-persuni għandhom ukoll jinvestigaw l-għajnuna li ngħatat lill-korrotti u lill-qattiela minn uffiċjali tal-pulizija bħal Ian Abdilla, Lawrence Cutajar u Silvio Valletta. Għandha tittieħed azzjoni kontra dawn ukoll.
Wara li għaddew 29 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, pajjiżna għadu jsejjaħ biex issir ġustizzja waqt li persuni bħal Joseph Muscat, Keith Schembri u Ian Abdilla għadhom jiġru barra qishom m’humiex huma b’impunità sħiħa.