Din hi l-omelija li ta llum il-Kanonku Brendan Gatt f’għeluq is-sentejn u nofs mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia:
Qegħdin niċċelebraw din il-quddiesa b’suffraġju u tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia proprju fl-Ottava tal-Għid il-Kbir, il-festa Nisranija per eċċellenza. Hija l-festa li tfakkarna li għalkemm f’għajnejn il-bnedmin il-mewt, l-inġustizzja u l-ħażen jidhru jiddominaw għal ftit, fir-realtà il-ħajja, is-sewwa u t-tajjeb dejjem jirbħu fl-aħħar; hija l-festa li tfakkarna li d-dlam tad-dnub, tat-tradiment, tal-ħażen, fl-aħħar – xi darba – jrid iċedi għall-ġustizza, għall-ferħ, għall-paċi. Hija l-festa li tfakkarna li Alla tagħna jaf jikteb dritt fuq linji mgħawwġa, u li dawk li jimxu flimkien miegħu b’integrità għad jirċievu l-premju tal-fedeltà tagħhom.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-Għid il-Kbir huwa ċelebrazzjoni ta’ Tama. Kif qalilna l-Papa Franġisku matul il-lejl tal-Għid, b’din il-festa aħna rbaħna dritt li qatt ma jista’ jitteħdilna: id-dritt li nittamaw. Il-Papa mhux qed jitkellem dwar xi ottimiżmu vag u naïve; pjuttost dik it-tama profonda li jekk Alla kien kapaċi joħroġ il-ħajja minn ġo qabar, verament jista’ joħroġ il-ġid minn kull sitwazzjoni, kerha kemm tkun kerha.
Illum minħabba r-restrizzjonijiet li ġab fuqna l-coronavirus qed niċċelebraw din il-quddiesa mill-knisja tal-Bidnija, imdawrin minn għelieqi sbieħ li jfakkruna li xi darba din il-parti ta’ Malta kienet ħafna iktar agrikola milli hi llum. Anki l-istess motto tal-lokalità tal-Mosta (li l-Bidnija tagħmel parti minnha) huwa Spes Alit Ruricolam (it-tama tgħajjex lill-bidwi). Għalkemm illum il-bdiewa f’Malta (u l-art agrikola) saru prattikament endangered species, il-motto tal-Mosta jibqa’ validu: it-tama hija dik li tagħti skop lill-ħajja. It-tama li ż-żerriegħa għad tinbet u tagħti l-frott; it-tama li anki meta ma jien qed nara xejn fuq il-wiċċ tal-ħamrija, il-ħajja qed tikber fis-skiet u fid-dlam hemm taħt. San Pawl jgħid li t-tama tagħna fil-ħajja ta’ dejjem u fir-rebħa aħħarija ta’ Ġesù fuq il-mewt (u tat-tajjeb fuq il-ħażen) ma tqarraqx bina. Anzi, f’din it-tama, aħna nsalvaw.
Din mhijiex xi ħaġa Kristjana biss. Donnu fil-qalb ta’ kull bniedem (ta’ kull reliġjon jew fidi, u anki ta’ ebda twemmin) hemm tama li ma tridx tintefa: li l-ġrajjiet mudlama li ngħixu u ngħaddu minnhom xi darba se jagħmlu wisgħa għad-dawl. Insibuha anki fi frażijiet li forsi saru klixé: “The night is always darkest before the dawn”.
Inħares madwari lejn Malta u jkolli nistqarr li kultant id-dlam veru jkun qawwi. Illum qegħdin hawn biex infakkru persuna li ġiet maqtula għax provat iġġib għad-dawl affarijiet li ħaddieħor riedhom jibqgħu mistura fid-dlam. Ovvjament, apparti Daphne li għamlet is-sagrifiċċju estrem, ħadd ma bata t-telfa tagħha iktar minn dawk li kienu l-eqreb lejha: żewġha u uliedha, il-ġenituri tagħha, ħutha u l-familji tagħhom, il-ħbieb tagħha.
Imma d-dalma tal-assassinju tagħha ħakmet lilna lkoll. Ix-xabla li qatlet lilha daħlet ukoll f’qalb kull persuna ta’ rieda tajba. U r-reazzjoni tagħna – bħala poplu u bħala individwi – uriet ċar x’hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna: dlam jew dawl. U fl-aħħar, fi tmiem l-2019 it-tama kienet kibret xi ftit; it-tama li mhux biss l-idejn imma wkoll l-imħuħ u l-bwiet fil-qtil tagħha setgħu xi darba jaraw il-ġustizzja. Inkomplu nittamaw u naħdmu sabiex dan iseħħ. Imma hawnekk ukoll jidħol aspett ieħor tat-tama: it-tama li anki jekk xi wħud jaħarbu l-ġustizzja tal-bnedmin, xi darba jridu jagħmlu l-kontijiet mal-ġustizzja t’Alla. Wara kollox, l-istess San Pawl ifakkarna: “hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’”
Imma hemm tama oħra, li s’issa għadha ma seħħitx. It-tama li bħala poplu kellna nikbru u nimmaturaw wara l-qtil ta’ Daphne. Jekk dik l-isplużjoni kiefra ma kenitx wake-up call serja għalina, ma nafx xi jrid iqajjimna. Konna qed nittamaw li l-mewt tagħha għallinqas tfakkarna ftit veritajiet fundamentali li xi wħud kienu nsew, jew forsi qatt ma tgħallmuhom:
- li l-flus mhumiex alla;
- li l-mibegħda u l-vjolenza qatt ma huma soluzzjoni;
- li l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem huma essenzjali u primarji;
- li l-politika trid tkun safja u nadifa, ħielsa minn interessi oħra;
- li l-korruzzjoni toqtol;
- li l-impunità teqred
- li l-benesseri tiegħi (u tagħna bħala poplu) ma jistax jinbena fuq l-inġustizzja u l-isfruttament ta’ ħaddieħor;
- li inġustizzja fuq wieħed jew waħda fostna hija inġustizzja fuqna lkoll.
Imma wisq nibża’ li għal ftit ieħor ikollna nibqgħu ngħixu bit-tama: The night is always darkest before the dawn; il-ġrajjiet li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat huma indikazzjoni li ma tgħallimna xejn, jew – jekk irrid inkun tikka ottimist – li t-triq sa ma nitgħallmu hija twila tassew. Ma naħsibx li meta l-gvernijiet jiftaħru li l-ħajja roħsot ikunu qed jirreferu għall-fatt li l-ħajja ta’ persuna m’għadha tiswa xejn: “life is cheap”. Illum qed infakkru l-ħajja ta’ ġurnalista li nqatlet għax fittxet il-verità;
imma daqshekk ieħor nistgħu nsemmu l-ħajja ta’ omm li nqatlet f’darha stess frott ir-regħba ta’ min jadura l-flus, il-konkrit u l-ġebel, u qed jibni t-torrijiet ta’ Babel tallum;
daqshekk ieħor nistgħu nsemmu l-portijiet magħluqa tagħna li huma sinjal ta’ qalb magħluqa, indifferenti għall-batut. Imbagħad nirraġunaw b’mod viljakk u ngħidu li qed nagħmluha biex inħarsu s-saħħa tal-Maltin. Bħallikieku kieku kien għaddej ajruplan u kellu bżonn inżul ta’ emerġenza konna se ngħidulu “le, ibqa’ sejjer.” Ara kieku kien qed jegħreq xi superyacht mimli miljunarji Amerikani, Russi, Għarab jew Ċiniżi… !
Il-kummenti hemm barra, fil-media u s-social media juruna li mhux mit-trolls irridu nibżgħu l-iktar; dawk li jiċċelebraw b’xi emoji jidħak l-aħbar li nqalbet dgħajsa fil-Mediterran u numru ta’ immigranti għerqu, bħalma ferħu bil-qtil ta’ Daphne. Dawk sfortunatament jitmexxew mill-mibegħda u l-injoranza (fis-sens pur tal-kelma). Iktar irridu ninkwetaw għan-nies normali, nies bħalna, nies li forsi tista’ ssejħilhom ukoll “tajba”, li komplew b’ħajjithom qisu xejn m’hu xejn, u rraġunaw b’indifferenza tal-biża’ li dan huwa collateral damage neċessarju, il-prezz li jrid jitħallas (għax mhux aħna se nħallsuh) biex aħna nibqgħu safe u f’saħħitna. Għalhekk nibża’ li ma tgħallimna xejn. U f’mumenti ta’ dlam ikollok tikkonkludi li mhux talli m’aħniex pajjiż Nisrani, talli l-anqas aħna pajjiż uman.
Ma nistax illum – fit-93 birthday tiegħu – ma nsemmix dak li kien kiteb il-Papa Benedittu XVI tlettax-il sena ilu fl-enċiklika tiegħu dwar it-Tama. Ippermettuli nikkwotah bl-Ingliż: “the capacity to accept suffering for the sake of goodness, truth and justice is an essential criterion of humanity, because if my own well-being and safety are ultimately more important than truth and justice, then the power of the stronger prevails, then violence and untruth reign supreme. Truth and justice must stand above my comfort and physical well-being, or else my life itself becomes a lie.”
Mhemmx għalfejn tkun Nisrani konvint jew prattikanti biex dan il-kliem jagħmel sens għalik ukoll; hija verità umana universali. Viktor Frankl, li ra l-ħażen tal-bniedem mill-qrib fil-kamp tal-konċentrament, u xorta baqa’ jittama li t-tajjeb jista’ jirbaħ, kiteb hekk: “That which is to give light must endure burning.” Hija verità li narawha fis-sagrifiċċju ta’ dawk li jpoġġu saħansitra ħajjithom fil-periklu għall-ġid ta’ ħaddieħor; narawh fis-sagrifiċċju estrem ta’ ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia li jiġu vilifikati, mhedda u saħansitra jinqatlu għax kixfu l-korruzzjoni, l-inġustizzja u l-kriminalità.
U minkejja d-dlam u l-qtigħ il-qalb li kultant faċli jaħkmuna (bħalma ħakmu lid-dixxipli ta’ Ġesù fis-sigħat wara mewtu), jeħtieġ li nibqgħu nittamaw li xi darba għad naraw ir-riżultat. Bħalma jittama l-bidwi li xi darba t-tama u l-ħidma tiegħu għad tħalli l-frott. Nittamaw li xi darba naraw isseħħ dik il-frażi meħuda mill-ewwel lezzjoni tallum, mill-ktieb ta’ Koħelet: “żmien li tħawwel u żmien li taħsad l-imħawwel.”
Ma nistax ma nqabbilx dan il-kliem ma’ dak li qal Ġesù stess meta ftit jiem qabel il-Passjoni huwa ħabbar il-mewt tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” (Ġwanni 12:24) Eżattament kilometru bogħod minn din il-knisja tal-Bidnija, ‘l isfel, fil-wied, fit-triq lejn il-Mosta, hemm l-għalqa li għal dejjem se tibqa’ marbuta mas-sagrifiċċju ta’ Daphne. Jalla matul is-snin dik il-għalqa u dak kollu li tirrapreżenta tkompli tagħti frott ta’ ġustizzja, verità u integrità.
Imma dan il-frott mhux se jaqa’ f’ħalqna: irridu nistinkaw għalih kuljum, akkost tas-sagrifiċċju. Bħalma qal Padre Raniero Cantalamessa waqt il-priedka li għamel fil-preżenza tal-Papa Franġisku nhar il-Ġimgħa l-Kbira, proprju sitt-ijiem ilu: “Ġesù kien ħabbar: ‘Wara tlitt ijiem nerġa’ nqum’. Aħna wkoll, wara dawn il-jiem li nittamaw li jkunu qosra, għad nerġgħu nqumu u noħorġu minn djarna li saru oqbra. Mhux biex nirritornaw lejn il-ħajja tagħna ta’ qabel, bħal Lazzru, imma biex inqumu għal ħajja ġdida, bħal Ġesù. Ħajja iktar fraterna, iktar umana, iktar Kristjana!”