Messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna sentejn u nofs mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-tagħlim soċjali tal-Knisja ifakkarna illi l-paċi hija msejsa fuq il-verità, ġustizzja, libertà u mħabba. Dawn l-erba’ valuri huma l-pedament u jiddependu minn xulxin, kull wieħed minnhom huwa essenzjali; komunità ma tistax tkun verament fil-paċi jekk imqar waħda minnhom tkun nieqsa jew imwarba.
Wara 30 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadna nistennew il-verità kollha dwar il-komplott wara l-assassinju tagħha u għadna nistennew li ssir ġustizzja magħha, mal-familja tagħha u magħna lkoll għax l-assassinju tagħha kien ukoll attakk premeditat fuq is-soċjetà tagħna.
Filwaqt it-tentazzjoni li naħsbu li l-ġustizzja huwa d-dover tal-Gvern u tal-Awtoritajiet, jew il-ġlieda għall-verità u l-ġustizzja huwa biss id-dmir tas-soċjetà ċivili, huwa importanti li niftakru li huwa anki dover personali tagħna bħala ċittadini u nies li nemmnu li nfittxu l-verità u li nħaddnu l-ġustizzja. Dan jitlob minna li ngħarfu d-dmirijiet ċiviċi lejn ħaddieħor u l-komunità tagħna. Dan jitlob li aħna naħdmu kontra l-kultura ta’ korruzzjoni, ta’ pjaċiri u klijentaliżmu. Dan jitlob li ma nagħlqux għajnejna lejn il-ħazen għax hekk jaqblilna. Jitlob li aħna nittrattaw lil xulxin b’rispett, ma npoġġux il-gwadann personali qabel il-ġid komuni, u nkunu lesti li nagħtu sehemna fil-komunità li nagħmlu parti minnha. Jitlob minna li nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna mingħajr biża’ u mingħajr ma nħarsu lejn uċuħ. Li tagħraf u taħdem għall-ġid komuni hija r-responsabbiltà tagħna lkoll.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-ikbar test tal-impenn tagħna lejn il-verità u l-ġustizzja huwa kif ikunu ttrattati il-marġinalizzati u l-vulnerabbli, dawk li m’għandhomx la vot u lanqas vuċi. L-uniku mod li tiggarantixxi ġustizzja għal kulħadd, speċjalment lill-iktar vulnerabbli, huwa li tħobbhom u li tara li għandna istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti, b’riżorsi adegwati u li jitħallew jiffunzjonaw b’rispett totali lejn is-saltna tad-dritt.
Kulħadd huwa fid-dover li nieħdu azzjoni biex isseħħ il-bidla fil-mentalità.
Nagħlaq bl-istedina għall-azzjoni fil-kliem ta’ Dietrich Bonhoeffer, teologu u attivista li ftit ilu fakkarna l-75 anniversarju mill-qtil tiegħu f’kamp ta’ konċentrament għax ħadha kontra l-inġustizzja u l-ħazen ta’ żmienu:
“Meta tistenna u tibqa’ gallerija tkun qed tgħix ħajja rresponsabbli. Il-libertà tinsab fl-azzjoni. Iddeċiedi u idħol fit-tempesta tal-ħajjin.”