Wara li għaddew ġranet sħaħ ta’ skiet perfett u li fihom il-gvern u l-armata baqgħu ma wieġbux għall-kritika dwar il-mod kif twettaq is-salvataġġ fuq il-baħar fi żmien l-Għid, it-TVM beda’ jxandar stejjer dettaljati ta’ verżjoni mhux uffiċjali tal-operazzjoni tas-salvataġġ tal-armata. Tat-TVM qed igħidu li l-istorja qed “jinvestigawha” iżda minn dak li qed jixxandar jidher li l-informazzjoni qed tkun dettata minn persuni li f’moħħhom għandhom it-tir li jfasslu l-eżitu tal-inkjesta kriminali skond kif jaqbel lilhom.
Għalkemm il-vapur imdaqqas li ntuża biex jipprovdi kenn matul l-operazzjoni tas-salvataġġ ġie identifikat u msemmi mit-TVM, id-dgħajjes privati li għabbew lill-immigranti u wassluhom lura lejn il-Libja ma ssemmewx. Meta seħħ l-inċident, kien hemm vapur li kien mgħobbi b’55 ruħ, li minnhom 5 huwa magħruf li mietu u 7 oħra ħadd ma jaf x’sar minnhom. Dan l-inċident issa huwa s-suġġett ta’ inkjesta li qed tgħarbel id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-prim ministru u l-kap tal-armata.
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kien biss issa li dawn is-“sorsi infurmati” tkellmu, jiġifieri disat ijiem wara li seħħ l-inċident.
Dawn ir-ritratti nġibdu fi Tripli nhar il-Ħamis 16 ta’ April meta dawk li baqgħu ħajjin twasslu fil-bażi militari Abu Sitta fi Tripli.
Minkejja l-isforzi li saru biex l-identità tiegħu tiġi mistura, dan il-vapur ġie identifikat bl-isem ta’ Mae Yemanja li jtajjar il-bandiera tal-Libja. Xi drabi dan il-vapur ġie identifikat bl-isem Dar al Salam 1. Fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid, il-Mae Yemenja kien fl-inħawi tal-Marsa fil-Port il-Kbir ta’ Malta. Minn rikostruzzjoni tal-istorja, rriżulta l-Mae Yemenja telaq mill-port nhar it-Tnejn filgħaxija u tefa’ t-tracker hekk kif salpa fid-direzzjoni tad-dinghy li kienet fil-periklu tal-għarqa fejn imbagħad inbdiet operazzjoni ta’ “salvataġġ” bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.
Sa dakinhar, kienu diġà tilfu ħajjithom 12 il-ruħ. Sa nhar it-Tnejn filgħaxija, l-armata Maltija kienet diġà saret taf bil-post eżatt fejn kienet id-dinghy u n-navigational control system ta’ Malta bgħatet notifika dwar dan.
Għalkemm il-vapur Mae Yemenja, meta jammetti l-identità tiegħu, issa jtajjar il-bandiera tal-Libja, dan ma kienx dejjem il-każ. Sa ftit tal-ġranet ilu, dan il-vapur kien reġistrat f’Malta. Dokumenti tal-qrati Maltija mill-2018 jindikaw li sid il-vapur Mae Yemenja kien ċertu Charles Grech. Fl-2018, il-Qorti tal-Appell kienet ikkonfermat sentenza tal-qorti inferjuri li fiha huwa kien ġie liberat mill-akkuża ta’ kuntrabandu u dan wara li kienu saru raids minn tad-Dwana fuq l-istess vapur.
Fl-2019 Charles Grech kien għadu sid il-vapur meta f’ismu proprju u bħala rappreżentant tal-kumpannija tiegħu Gulf Fisheries Limited ħarrek lill-awtoritajiet tad-Dwana u talab kumpens għall-ispejjeż li kien weħel wara li tad-Dwana kienu kkonfiskawlu konsenja ta’ sigaretti mpurtati.
Għalkemm fl-2018 Charles Grech kien ħelisha mill-akkużi ta’ kuntrabandu, jidher li dan kien imdaħħal f’avventura oħra fl-2015 fil-Libja meta kien inżamm f’dak il-pajjiż għal madwar xahar wara li kien ġie arrestat fl-ajruport ta’ Labrak hekk kif inqabad bis-somma fi flus kontanti ta’ €300,000 fuq persuntu. Skond rapport li kien ixxandar fit-Times of Malta “l-awtoritjiet tal-Libja kienu appik ser jibdew proċeduri dwar kuntrabandu kontra Charles Grech, iżda aktar tard reġa’ bdielhom”. Ftit ġranet wara li nħeles, il-Malta Independent fl-editorjal tagħha kitbet li r-rapporti li kienet xandret it-Times of Malta kienu bażati fuq spekulazzjoni u li kienu “allegazzjonijiet li kienu qiegħdu lis-Sur Grech fil-periklu”.
Issa li l-vapur Mae Yemenja jtajjar il-bandiera tal-Libja u, fl-isfond tat-taħwid li hemm bħalissa f’dan il-pajjiż, m’huwiex ċar jekk Charles Grech għadux sid il-vapur.
Is-“sorsi infurmati” li qed igħddu l-informazzjoni lil TVM qed ikunu selettivi bl-informazzjoni li qed jgħaddu u hemm sensiela ta’ mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba.
X’kienet ir-raġuni li l-isem u d-dettalji tal-vapur tneħħew?
Min huwa sid il-vapur?
Kemm tħallas sid il-vapur u għalxiex tqabbad mill-gvern ta’ Malta?
Il-gvern ordna lill-vapur iwettaq operazzjoni ta’ salvataġġ jew tqabbad biex ireġġa’ lura lill-immigranti lejn il-Libja?
X’kienet ir-raġuni li l-gvern naqas li jipprovdi din l-informazzjoni?
Il-vapur x’kien qed jagħmel f’Malta qabel bdiet l-operazzjoni ta’ salvataġġ?
Il-għala l-vapur ittrakka ma’ bażi militari?
Il-vapur għaliex salpa lejn Tripli ġaladarba l-port ta’ Tripli kien ġie dikjarat bħala port li huwa nieqes mis-sigurtà mill-gvern ta’ hemmhekk?
X’kienet ir-raġuni li l-vapur tefa’ t-tracker tiegħu għal perijodu twil minn meta salpa mill-Port il-Kbir sa meta wasal fi Tripli?