L-attivist Xandru Cassar qed jitlob li min jaħsibha bħalu biex jingħaqad miegħu il-lejla fis-19.00 qrib il-bini tal-Parlament sabiex jitqiegħdu xemgħat mal-bieb tal-Parlament bħala simbolu tal-protesta kontra t-trattament ħażin mill-awtoritajiet Maltin ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil.
Malli feġġet l-imxijja tal-coronavirus, il-gvern baqa’ jirrifjuta li jonora l-obbligu internazzjonali tiegħu li jsalva l-ħajja ta’ min ikun f’periklu li jegħreq u li jipproċessa applikazzjonijiet għall-ażil ta’ dawk l-immigranti li jaslu Malta. Id-dritt tal-ażil huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali li huwa rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea.
Matul tmiem il-ġimgħa tal-Għid, il-forzi armati ġew mixlija li wettqu atti ta’ sabutaġġ fuq lanċa li kienu riekbin fuqha xi immigranti. Vapur ieħor tħalla bejn semau ilma għal bosta ġranet sakemm l-immigranti li kienu riekbin fuqu treġġgħu lura lejn il-Libja. Jingħad li mietu mat-12 il-ruħ qabel il-wasla tal-immigranti max-xatt tal-Libja.
Illum ixxandru provi fotografiċi u filmati dwar grupp ieħor ta’ immigranti li ġew terroriżżati b’intervent tas-suldati tal-forzi armati ta’ Malta li mbagħad tkeċċew mill-ibħra Maltin u bdew triqithom lejn l-Italja.
Sadattant aktar minn 60 immigrant qed jinżammu ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin abbord laneċ tal-Captain Morgan. Rapporti jgħidu li wħud mill-immigranti riekbin fuq dawn il-laneċ bdew stajk tal-ġuħ u xi oħrajn għamlu attentat ta’ suwiċidju.
Fil-Facebook, Xandru Cassar kiteb li “llejla fis-19.00 ser nippreżenta ittra lill-membri parlamentari Maltin dwar it-trattament li ġie rappurtat fl-istampa lokali u barranija li qed jingħataw dawk li qed ifittxu l-ażil. Lil dawk li jappoġġjaw lil din l-inizjattiva, nħajjarhom iqiegħdu xemgħa quddiem il-bini tal-Parlament”.