It-tielet vapur tal-Captain Morgan li jġib l-isem Atlantis, baħħar ‘il barra mill-ibħra Maltin u mil-lejl li għadda rabat ma’ vapur ieħor tal-istess ditta li jġib l-isem Baħħari xi drabi magħruf bħala Bahari).
Il-vapur Atlantis ingħaqad mal-vapur Europa II li kien ħareġ ibaħħar fit-30 ta’ April 30 ftit qabel il-vapur Bahari li baħħar ‘il barra fis-7 ta’ Mejju.
Il-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni din il-ġimgħa lid-deputat Jason Azzopardi qallu li l-gvern qed iħallas lil tal-Captain Morgan €3,000 kuljum għal kull vapur u dan sabiex iżomm lill-immigranti milli jitilgħu l-art biex japplikaw għall-ażil.
Għall-ewwel il-gvern stqarr li din l-ispiża kienet ser tidħol għaliha l-Unjoni Ewropea, iżda aktar tard irriżulta li l-gvern kien biss applika biex ikopri l-ispiħa li qed jagħmel. Huwa mifhum li l-applikazzjoni li għamlet Malta biex tingħata għajnuna finanzjarja saret taħt l-Asylum, Migration and Integration Fund.
Hemm ftit tal-ironija f’din it-talba għaliex il-politika tal-gvern li jwaqqaf lill-immigranti ‘l barra mill-ibħra Maltin qed isservi biex ma tippermettilhom japplikaw għall-ażil, aħseb u ara kemm ser tippermettilhom jintegraw. L-applikazzjoni ta’ Malta qed tiġi kunsidrata.
Il-gvern kemm il-darba stqarr li l-immigranti li jinsabu riekbin fuq il-vapuri tal-Captain Morgan mhux ser jitħallew jitilgħu l-art kemm il-darba “l-Ewropa” ma timpenjax ruħħa li taċċetta lil dawn l-immigranti. Il-Kummissjoni Ewropea, minn naħa tagħha, kemm il-darba fakkret lil Malta li għandha obbligu li ssalva lil dawk li jkunu fil-periklu li jegħrqu (u li twassalhom lejn il-port li jkun l-aktar fil-qrib) u li d-distribuzzjoni tal-immigranti tiġi diskussa wara li dawn ikunu ġew salvati.
S’issa għadhom ma ġewx imwieġba mistoqsijiet li saru lill-operaturi tal-flotta tal-Captain Morgan dwar l-istruzzjonijiet li ngħataw lill-kaptan tal-vapur Atlantis.