Kellu għalfejn il-prim ministru joqgħod jiċħad li Charmaine Gauci kienet ser twarrab?
Din iċ-ċaħda kellha riħa ta’ konferma involontarja. Minn nhar il-Ġimgħa ‘l hawn smajt ħafna stejjer mingħand diversi għejjun li Charmaine Gauci ma setgħetx tibqa’ tissaporti l-fatt li kienet qed tiġi wżata minn Robert Abela bħala paraventu sabiex tiċċertifika pariri li hi kienet kontra tagħhom.
M’għandniex xi ngħidu, jekk f’mument ta’ rabja, heddet li twarrab u mbagħad jew reġa’ bdielha jew stenniet sakemm tiġi miċħuda r-riżenja tagħha, x-“xnigħat” m’humiex “parti minn kampanja kontriha li qed imexxu erba’ minn nies”. Meta l-prim ministru jgħajjar lil ħaddieħor giddieb, ma jkunx qed igħin il-każ tagħha.
Ċertament Charmaine Gauci issa tista’ forsi tmur tgħid li qatt m’għaddielha minn moħħha li twarrab, li qatt ma kienet qalet lil ħadd li kellha f’moħħha li twarrab, li dak li qed jingħad fil-konfront tagħha huwa biss spekulazzjoni u li, fin-nuqqas ta’ provi, ser ikollna naċċettaw dak li qed tgħid. Iżda Charmaine Gauci m’hi tgħid xejn u m’hix tirrispondi t-telefon. Robert Abela issa qed jitkellem għaliha.
Dan kollu huwa importanti u hi kwistjoni li Charmaine Gauci għandha ssib tarfha. Għaliex il-pajjiż għandu bżonn tas-servizz tagħha anke jekk f’idejha m’għandhiex soluzzjonijiet awtomatiċi.
Ma qbilt xejn ma’ dak li kiteb dalgħodu Ranier Fsadni. Fi ftit kliem, huwa kiteb li m’għandniex biżżejjed informazzjoni dwar l-imxijja Covid-19 biex nikkonkludu għandniex nibqgħu maqfulin id-dar sakemm jinstab vaċċin u għaldaqstant jeħtieġ li naraw kif nagħmlu biex nerġgħu nagħtu ħajja lill-ekonomija anke jekk inkunu qed nirriskjaw li l-imxijja tinfirex aktar.
Jista’ jagħti l-każ li Ranier Fsadni għandu raġun f’dak li kiteb. Iżda dan l-argument ma jistax jintuża bħala tarka għad-deċiżjonijiet ta’ Robert Abela ġaladarba Robert Abela mhuwiex lest jużaha bħala tarka huwa stess. Robert Abela ma qal xejn minn dan meta ħabbar tnaqqis fir-restrizzjonijiet u xela’ lil kull min ma jaqbilx mal-politika tiegħu favur il-ftuħ tal-ekonomija bħala persuni bla sens. Qal ukoll li r-riskju tat-tieni mewġa tal-imxijja hu bla bażi għaliex, wara kollox, il-mewġ jinsab fil-baħar. Fakkarni f’George W. Bush fuq l-aircraft carrier hu u jiftaħar li kien ikkonkluda biċċa xogħol “b’suċċess” fl-Iraq.
Għaldaqstant dak li ma qalilniex Robert Abela kien li jeħtieġ li terġa’ tinfetaħ l-ekonomija għaliex hemm bżonn li nidraw ngħixu bil-preżenza tal-imxijja Covid-19 u dan minkejja t-telfiet kollha li jkollna nsofru. Il-vanità u n-nuqqas ta’ fiduċja li għandu fih innifsu ma ppermettewlux jesprimi xi dubju, anki jekk dwar l-imxijja ftit huma dawk li jifhmu x’tista’ ssarraf. Qalilna li kien ser jerġa’ jiftaħ l-ekonomija għaliex bis-saħħa tal-għerf kbir tiegħu kien wasal biex jeqred l-imxijja Covid-19, li kien jaf x’għandu jagħmel u li dak hu li ser jagħmel. U kulma rridu nagħmlu hu li nsegwuh bil-għama.
Meta niġu għat-tfassil tal-politika, jidher li huma bosta dawk li qed jikkupjaw lil Donald Trump.