Qed jingħad li Joseph Cuschieri “ssejjaħ lura” lejn Malta minn Ruma. Ma nixtieqx ninstema’ pedantiku iżda wieħed ma jistax jissejjaħ lura minn ambaxxata li għaliha jkun għadu ma ġiex ikkreditat.
Stat jista’ jinnomina persuna bħala ambaxxatur fil-kapitali ta’ stat ieħor. Iżda dan l-ambaxxatur jeħtieġ li jkun aċċettat mill-istat li jkun intbagħat fih. Din m’hix kwistjoni ta’ ‘ħafna djuq tan-Nazzjonalisti’ iżda hi konswetudni li ilha titħaddem għal mijiet ta’ snin. Dawn il-konswetudnijiet jinsabu fis-sisien tal-liġijiet internazzjonali.
Huwa mistenni minn ambaxxatur nominat li ma jersaqx lejn il-pajjiż li fih ikun ser jiġi mibgħut sakemm dan il-pajjiż ma jindikax formalment li aċċetta din in-nomina. Meta ambaxxatur jinjora din il-konswetudni, ikun ħati ta’ insult lejn dak il-pajjiż u ta’ ksur tar-reċiproċità.
Meta Joseph Cuschieri tfaċċa f’Ruma u għamel tabirruħu li huwa l-ambaxxatur ta’ Malta, ma kienx qed jaġixxi f’ismu proprju. F’għajnejn l-Italja, Malta injorat il-fatt li kull darba li t-Taljani jibgħatu ambaxxatur tagħhom fostna, l-ewwel ħaġa li jagħmlu hi li jitolbu l-permess tal-istat Malti.
M’għandniex xi ngħidu, l-imġieba ta’ Joseph Cuschieri ma tirrifletti b’ebda mod xi intenzjoni minn naħa ta’ Malta li toffendi lill-Italja. Iżda l-injoranza grassa mhix skuża.
Agħtu daqqa t’għajn lejn il-mod kif, f’Marzu li għadda, Joseph Cuschieri ħareġ waħda ta’ ħmar meta kiteb li paga ta’ xahar li kellu jieħu bħala ambaxxatur kien bi ħsiebu jgħaddiha lid-dipartiment Taljan tal-protezzjoni ċivili b’apprezzament għax-xogħol li dawn qed iwettqu fil-ġlieda kontra l-imxijja Covid-19. Ftit wara, ġie mġiegħel iħassar kitbietu minn fuq il-Facebook u stqarr li dan kien qed jagħmlu kontra qalbu.
Agħtu wkoll daqqa t’għajn lejn il-Facebook page preżenti ta’ Joseph Cuschieri fejn dan isejjaħ lilu nnifsu bħala ambaxxatur. U kien appuntu fuq din il-paġna li xahrejn ilu, bla mistħija ta’ xejn, ħabbrilna dwar kemm għandu qalbu f’idu bid-donazzjoni li – bħala ambaxxatur – kien ser jagħmel lid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili. Minn jaf kemm żammew żaqqhom mifqugħin bid-daħk!
X’aktarx kien f’dan l-istadju li t-Taljani ntebħu li f’pajjiżhom kien hemm “ambaxxatur” li ħadd ma kien avżahom bil-preżenza tiegħu. U kien hawn fejn ftakart fil-mument li fih Ugo Fantozzi kien beda’ jissusspetta ħażin fiż-żjarat spissi li kienet qed tagħmel martu meta fid-dar tagħhom kellhom ħobż bir-rimi.
Qabel intbagħat Ruma, Joseph Cuschieri kien ambaxxatur f’Ateni għal 6 snin. Kienu għamluh ambaxxatur b’apprezzament għall-fatt li kien ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu xi snin qabel biex seta’ jidħol floku Joseph Muscat. Għaliex fid-dinja “Tagħna Lkoll” b’dan il-mod jagħżluhom lill-ambaxxaturi.
Joseph Cuschieri ma nħatarx ambaxxatur għaliex ċeda s-siġġu parlamentari biss. Għenu wkoll biex jilħaq il-fatt li jiġi ħu Manwel Cuschieri, l-promotur ewlieni fuq is-Super 1 tal-ħdura u tal-mibgħeda.
X’aktarx li f’Ateni ma tantx kellu x’jagħmel. Iżda Ruma hi storja oħra. Pajjiżi ġirien ta’ spiss ikollhom x’igħidu dwar l-immigrazzjoni u dwar l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Id-donazzjoni li għamel Joseph Cuschieri lid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili ma kienx ser ikun biżżejjed biex lit-Taljani jipprerwadihom jiżfnu skond id-daqq ta’ Malta.
L-ambaxxatur ta’ Malta f’Ruma jeħtieġ ukoll li jieħu ħsieb l-interessi ta’ Malta fil-Food and Agriculture Organisation, aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li hi bażata f’dik il-belt.
Dan ix-xogħol żejjed lil Joseph Cuschieri m’għoġbu xejn. Fil-fatt kien hu stess li ntebaħ li kien libes żarbun li ma kienx jiġih. Iżda tmorrux taħsbu li l-fatt li ħaddieħor kien diġà ntbagħat floku f’Ateni kien ser iżommu milli jitlob li jerġa’ jintbagħat hemm, kważi kważi bi dritt! Dak li kien ħa post Joseph Cuschieri f’Ateni spiċċa biex intbagħat Tel Aviv u tlesta kollox biex Cuschieri jerġa’ jieħu postu f’Ateni.
Jidher li fil-frattemp xi ħadd iddeċieda li jġib fi tmiemhom dawn il-kummiedji u Joseph Cuschieri “ssejjaħ lura” lejn Malta, jew inkella – milli jidher – li jinġieb lura Malta u jsibu mod kif isoddulu ħalqu.
Dan forsi jista’ għandu x’jaqsam mal-fatt li meta Joseph Cuschieri kien għadu kandidat Laburista, ħafna mill-voti li s-soltu kienu jmorru għand Evarist Bartolo, marru għandu. X’aktarx li Evarist Bartolo u Joseph Cuschieri qatt ma raw għajn m’għajn.
Joseph Cuschieri kien telaq mill-Parlament biex iwitti t-triq għal Joseph Muscat. F’għajnejn Joseph Muscat, Joseph Cuschieri kien abbanduna lill-kostitwenti leali tiegħu li kienu jivvotaw għalih għaliex ma setgħux jivvutaw għal ħuħ Manwel. Min jaf? Ma jmissux Joseph Cuschieri jitlob lura s-siġġu parlamentari li kien telaq? Joseph Muscat imissu jerħi s-siġġu parlamentari tiegħu favur Joseph Cuschieri bi tpattija għall-pjaċir li kien għamillu fl-2008.
Bil-qiegħda fuq is-siġġijiet parlamentari ta’ wara tal-gvern, tant hemm pċielaq li bilkemm jafu jiktbu isimhom (issa ngħaqdu magħhom ukoll Jean Claude Micallef u Ian Castaldi Paris ) li ż-żjieda ta’ peċluq ieħor mhux ser tagħmel daqshekk differenza. Iżda bit-tluq ta’ Joseph Muscat mill-Parlament, jkomplu jonqsu l-kriminali mill-Kamra.
Madankollu ma nimmaġinax li Evarist Bartolo ser jieħu pjaċir jerġa’ jara lil Joseph Cuschieri jtellaq miegħu fid-distrett.
Post scriptum. F’moħħ x’uħud ir-riferenza għall-allegata infedeltà ta’ mart Fantozzi m’hi ċara xejn. Segwu dan li ġej biex jiġu ċarati l-affarijiet fuq din il-kwistjoni: