Dan hu test ta’ preżentazzjoni li tajt il-bieraħ waqt webinar organizzat minn Repubblika.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li “ħadd ma għandu jiġi mfixkel fit-tgawdija tal-libertà tiegħu ta’ espressjoni, magħduda libertà li jkollu fehmiet mingħajr indħil, u libertà li jirċievi idejat u tagħrif mingħajr indħil.”
Dan hu l-artiklu 41 li jitfa’ dawl fuq iż-żewġ naħat tal-libertà tal-espressjoni: id-dritt ma jagħmilx sens jekk hu one-way traffic. Dan mhux dritt li qiegħed hemm biex jagħti xi privileġġi lil dawk li jaħdmu fil-media u li jikkomunikaw. Dan hu dritt li qiegħed hemm biex jassigura li kulħadd ikun jista’ jirċievi l-informazzjoni: hu allura dritt li jmiss lil kull ċittadin, anke dak li jagħmel għomru sieket, li qatt ma jrid jgħid xejn.
Id-dritt tal-kelma ħielsa hu d-dritt li tkun taf, li tkun infurmat. Dan jagħmlu wieħed mill-aktar drittijiet importanti mid-drittijiet kollha għax jekk l-awtorità jirnexxielha tnessi d-dritt tal-kelma ħielsa, fis-silenzju li jkun hemm tkun tista’ tnessik id-drittijiet l-oħra kollha.
Kemm hu rispettat illum d-dritt għall-informazzjoni tiegħek? Ħa nagħti 14-il raġuni li jgħidu li mhux:
L-Ewwel Punt: il-liġijiet tal-libell f’Malta qed jiġu wżati mill-politiċi b’mod tattiku biex isikktu lill-ġurnalisti. Ikkunsidra l-kawżi li ċeda Chris Cardona kontra Daphne Caruana Galizia għax kienet se toħroġ il-verità. Dan l-episodju bħal ħafna oħrajn were li l-politiċi li jibdew kawżi ta’ libell biex jippruvaw isikktu, veri kemm ikunu veri l-allegazzjonijiet li huma jgħidu li mmalafamawhom.
M’għandniex xi ngħidu, fihom innifishom meta jsiru dawn il-kawżi fiergħa, il-pubbliku ma jagħtix kredibilità lill-allegazzjonijiet li l-politiku jgħid huma biss gideb anke meta jaf li huma veri.
It-Tieni Punt: il-liġijiet tagħna dwar id-diffamazzjoni, bl-emendi li saru b’kollox, kif ukoll l-kotra l-kbira tas-sentenzi dwar libell li nqatgħu mill-qrati tagħna ma jaqblu xejn mal-kultura Ewropea dwar il-libertà tal-kelma u x’aktarx li fil-biċċa l-kbira tagħhom jiġu mħassra mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
It-tielet: alleati tal-gvern għażlu li jagħmlu libelli barra ‘l pajjiż biex isikktu lill-ġurnalisti. Lili tas-Satabank heddewni b’libelli fir-Renju Unit u ġiegħluni nwarrab storja li mal-medda taż-żmien ġie pruvat li kienet vera. Sena u nofs wara fetħuli libell fil-Bulgarija.
Tal-Pilatus Bank kienu għamlu kawża ta’ libell f’Arizona ta’ $40 miljun lil Daphne Caruana Galizia: kawża li setgħet irrovinatha finanzjarjament, kienu x’setgħu kienu d-danni li setgħu ġew likwidati.
Kawżi bħal dawn – magħrufa bħala kawżi SLAPP – jistgħu jiġu evitati u l-ġurnalisti jistgħu jiġu mħarsa permezz ta’ liġijiet li l-gvern irrifjuta anki li jikkunsidra.
Ir-Raba’ Punt: ir-riskju li jsiru dawn il-proċeduri f’Malta u lil hinn minnha jnissel element ta’ biża’ li jwassal biex il-ġurnalisti ma jibqgħux ħielsa li jxandru dak li jkun jixtiequ jxandru. Bl-Ingliż dan isejjħulu “chilling effect” li jinħass biss jekk wieħed iżomm ruħu ‘l bogħod mis-setta Tagħna Lkoll.
Il-Ħames Punt: ġurnalisti indipendenti li jirfsu fuq il-kallijiet tal-partiti politiċi jsibu ma’ wiċċhom attakk feroċi minn trolls koordinati u mħallsa mill-partiti nfushom. M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’għadda minn dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia f’dawk li huma tgħajjir, theddid kiefer u demonizzar. Madankollu, mal-medda taż-żmien uħud minna qegħdin iduqu xi ftit minn dak li kienet għaddiet minnu hi.
Is-Sitt Punt: il-partiti jidher li jqisu lill-ġurnalisti li jikkritikawhom bħala mira leġittima. Taħt l-iskuża ta’ ġurnaliżmu u aħbarijiet, il-mezzi tax-xandir tagħhom jużawhom biex jiżolaw, jintimidaw u jiskreditaw lill-kritiċi tagħhom mingħajr ma jiddistingwu bejn politiċi avversarji u ġurnalisti indipendenti li xogħolhom hu appuntu li jikkritikaw. Dawn ma jħabblu rashom xejn meta jgħawwġu l-fatti u litteralmet jiġru warajhom fit-toroq bil-kamera li, minn għodda tal-ġurnaliżmu u tal-informazzjoni, issir arma ta’ oppressjoni politika.
Is-Seba’ Punt: il-kameras bħala għodda ta’ oppressjoni politika jintużaw mhux biss fuq il-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom iżda wkoll fuq il-poplu. Dawk li jattendu l-protesti jew dawk li għal xi raġuni l-awtoritajiet ma jarawhomx ħelwin, isiru mira leġittima tas-setgħana permezz tal-kameras f’idejn l-aġenti tal-partit jew tal-istat. Jużaw ritratti ta’ persuni magħrufa bil-għan li jiżżufjettaw bihom jew biex jheddulhom ħobżhom. Jew inkella ipattuhielhom fuq il-post tax-xogħol u jċaħħduhom minn kuntratti pubbliċi u minn drittijiet basiċi amministrattivi.
It-Tmin Punt: il-protesti jiġu maħnuqa. Spiċċa ż-żmien tal-għoti tax-xebgħat f’xi ċella. Minflok rajna f’dawn l-aħħar sentejn lill-gvern juża riżorsi pubbliċi biex minnufih jitneħħew sinjali ta’ protesta bħalma huma banners, billboards, posters – saħansitra anki xemgħat u fjuri – li jwasslu messaġġ ta’ protesta. Bl-iskuża tar-regolamenti tal-ippjanar, spazji fuq billboards li jintużaw biex iwasslu messaġġ politiku, jitneħħew minnufih: metodu ieħor ta’ ċensura.
Id-Disa’ Punt: ġurnalisti jingħataw aċċess għall-Ministru skond kemm dawn ikunu lesti li jibqgħu lura milli jirfsulu l-kallijiet bil-mistoqsijiet tagħhom. Minn dakinhar li intervistah John Sweeney, Joseph Muscat meta kien prim ministru baqa’ jirrifjuta talbiet għal intervisti minn ġurnalisti internazzjonali. Issa li Robert Abela ħadlu postu qed naraw kontinwità ta’ dik it-tattika. Sistematikament qed jevita l-battibekki mal-ġurnalisti u, f’dawk li ma jkunx jista’ jaħrab minnhom, iwieġeb b’mod trivjali u pwerili.
L-Għaxar Punt: f’Malta, b’differenza għall-bqija tad-dinja demokratika, ħafna ġurnalisti huma impjegati mal-partiti politiċi u dan iservi biex l-interessi tal-partiti politiċi u tal-gvern jingħataw prijorità fuq interessi oħra. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin huwa frott ta’ din is-sitwazzjoni li qiegħda therri s-solidarjetà professjonali li ssaħħaħ is-sinjifikat u l-influwenza tal-ġurnaliżmu indipendenti. Għalkemm ma nkunx ġust jekk ma ninnutax li dan l-aħħar sar ftit progress.
Il-Ħdax-il Punt: Permezz tar-riklamar, il-gvern jonfoq direttament jew indirettament permezz tal-konsulenzi jew kuntratti tax-xandir pubbliku u dan jiġġenera ċerti dipendenzi u lealtajiet li jġiegħluhom jagħmlu l-kompromessi meta jiġu biex jirrappurtaw dwar attivitajiet tal-gvern. Tgħid il-fatt li Saviour Balzan huwa marbut b’kuntratt biex jagħmel programm fuq TVM darba fil-ġimgħa b’xi mod jeffettwalu ż-żelu li għandu biex jattakka l-kritiċi tal-gvern li jimpjegah?
It-Tnax-il Punt: il-whistle-blowers qed jiġu intimidati sistematikament bir-riżultat li għejjun jew għejjun potenzjali qed jinżammu milli jgħaddu informazzjoni lill-ġurnalisti dwar dak kollu li jafu. Jonathan Ferris u Maria Efimova huwa eżempji ħajjin dwar dak li jista’ jiġrilu kull min jażżarda jitkellem mal-ġurnalisti dwar in-nuqqasijiet tal-gvern: tkeċċijiet illegali, eżilju u xiljiet foloz. Saru wkoll kampanji biex jiskreditaw biex b’hekk ikun diffiċli li wieħed isib impjieg.
It-Tlettax-il Punt: Smajt lil Robert Abela dan l-aħħar jiġġustifika Ministri tiegħu jagħmlu pubbliċità fuq il-paġni tagħhom ta’ Facebook għax qal li obbligati li jinfurmaw lill-pubbliku dwar x’qed jagħmel il-gvern. Dan ukoll hu oltraġġ tad-dritt tal-informazzjoni għax qed jaqbeż l-iskrutinju u l-mistoqsijiet kritiċi tal-ġurnalisti. Il-mezzi soċjali qed jintużaw biex jimmanipulaw lill-utenti: jagħfsu l-buttuni li l-istatistika tgħid li aktarx se jqanqlu emozzjonijiet f’min qed jerċievi l-informazzjoni. U l-emozzjonijiet li jrid jara t-tirann huma l-biża’ u r-rabja.
Insemmi biss kif Robert Abela ftit ġimgħat ilu indirizza lin-nazzjon mingħajr ġurnalisti fil-kamra u beżża’ ‘l kulħadd li s-suwed se jmarrduna bil-Covid-19. Il-biża’ u r-rabja li ħoloq iġġustifikaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ 12-il persuna li l-gvern ħallihom imutu, u ta’ 57 oħra li l-gvern bagħthom għat-tortura u l-istupru istituzzjonalizzat.
Iżda biex seta’ jagħmel hekk kellu wkoll jgħaffeġ id-dritt ta’ Repubblika li tesprimi ruħha, u d-dritt tal-ġurnalisti li jikkonfrontawh bil-mistoqsijiet tagħhom.
U l-erbatax-il raġuni għalfejn il-kelma ħielsa f’Malta hi inġazzata: hawn minn fostna, ġurnalista spiċċat biex inqatlet.
L-Istat – u l-gvern li jmexxih – hu fid-dmir li jħares il-libertà tal-kelma kif ukoll ħajjet il-ġurnalisti. Meta jonqos li jirrikonoxxi dan id-dmir – aktar u aktar fiż-żmien meta jkun seħħ assassinju ta’ ġurnalista – dan in-nuqqas jidher aktar lampanti mhux biss għaliex l-istat ikun naqas minn dmiru hekk kif seħħ l-assassinju iżda wkoll għaliex qed jonqos minn dmiru kull jum li jgħaddi li fih jibqa’ ma jirrikonoxxix li dmiru hu li jħares ħajjet in-nies.
M’għandniex xi ngħidu, il-gvern għamel agħar minn hekk. Kien hu li xpruna l-attakk bil-mobilizzazzjoni tat-trolls, bit-tmaqdir, bit-tgħajjir, bil-gideb, bil-qerq u bl-iskreditar fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit. Il-gvern ra kif għamel biex jipprova jneżżagħha minn kull dinjità umana billi jċaħħadha mhux biss mid-dritt għal-libertà tal-kelma iżda saħansitra mid-dritt għall-ħajja.
Ikun żball jekk naħsbu li l-kelma ħielsa se jiġġildilna għaliha l-gvern. Aħna rridu nkunu li nħarsuha u aħna n-nies li qed inħalluha titmermer.
Il-gvern jista’ jirrapreżenta lill-ġurnalisti bħala l-egħdewwa tal-poplu. Iżda l-mibgħeda ma tistax tiġi biss għax jixtieqha l-gvern. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu jifhmu x’qed jitilfu. L-akbar Laburist għandu jkun irid ġurnalisti li jgħidulu x’inhu jagħmel ħażin il-gvern li jappoġġja. Għandu jkun jaf x’sejjer ħażin biex jesiġi li jsir aħjar. Għax jaqbel lilu.
Hu fl-interess tiegħek li d-drittijiet ta’ ħaddieħor jitħarsu. Jekk ħaddieħor jitlef id-drittijiet tiegħu, tkun qed titlef tiegħek ukoll.
Imma fis-skiet tal-informazzjoni mistura, u fl-istorbju tal-propaganda, tal-mibgħeda u tal-mobilizzazzjoni partiġġjana, lanqas tkun taf x’ħadulek. Lanqas tkun taf xi tlift.
Kull ma jibqa’ hu r-riħ ivenven li jġorr id-duħħan u r-riħa ta’ ħruq. U leħen Matthew Caruana Galizia jgħajjat ‘il ommu u ma tweġbux.