Kull meta Joseph Muscat kien jagħmel xi tgħaffiġa minn tiegħu, tiftakru kemm kienu jinsistu li huma “sereni” u “trankwilli”? Ilkoll niftakru kemm qalet li kienet tinsab “serena” u “trankwilla” Michelle Muscat meta tfaċċat l-allegazzjoni li mal-miljun dollaru kienu ġew mgħoddija mid-dittatur tal-Ażerbajġan lil żewġha permezz ta’ kont bankarju miftuħ f’isimha. Chris Cardona kien ukoll stqarr li kien jinsab seren u trankwill wara li kien ġie rappurtat li attenda burdell waqt li kien xogħol. Hekk ukoll kien stqarr Konrad Mizzi meta kien issielet biex isalva l-ħajja politika tiegħu u spiċċa biex fallielu. Keith Schembri qatt ma tniffes f’dan is-sens, iżda x’aktarx li lill-Pulizija kien qalilhom li kellu fuqu attakk ta’ serenità.
Issa jidher li mis-serenità u mit-trankwillità għaddew għall-insensittività. Bħal fiż-żmien meta kienu jgħidu li huma sereni u trankwilli, issa weħlet f’ilsienhom il-kelma “insensittività” u dan biex jippruvaw inaqqsu kemm jistgħu mill-konsegwenzi tal-verità oġġettiva u biex mingħalihom igħattu r-realtà. Fi kliem aktar sempliċi, qed jigdbu biex igħattu xturhom.
Nieħdu l-eżempji pjuttost eżaġerati li ġejjin.
Jien u nsuq il-karrozza, narak taqsam it-triq. Nagħfas il-gass, intajjrek u nferik għall-mewt. Meta l-pulizija jiġbruni u jinterrogawni, ngħidilhom li ninsab seren u trankwill u li m’għamilt xejn ħażin. Bir-raġun, reazzjoni bħal din għandha tkun waħda offensiva fil-konfront tiegħek. Iżda jekk l-imħallef li nidher quddiemu jistqarr li l-imġieba tiegħi kienet waħda insensittiva meta għafast il-gass u tajjartek, kliem l-imħallef għandu jinħass bħal meta l-melħ jintraxx fuq ferita miftuħa.
Insensittiv huwa dak li jisfida raġel qsajjar biex iqum bil-wieqfa meta dan ikun diġà fuq saqajh. Min jonqos li joffri ikel veġetarjan lill-mistiednin tiegħu ukoll jitqies insensittiv. Insensittiv huwa dak li lil membru tal-Greenpiece jagħtih rigal magħmlul mill-ġilda.
Meta l-Ambaxxatur Michael Zammit Tabona pparaguna lil Angela Merkel ma’ Adolf Hitler ma kienx qed ikun insensittiv. F’kuntest diplomatiku, l-“insensittività” tintwera’ minn min ikun ta’ żaqqu f’fommu f’xenarju fejn gidba ċkejkna tkun tista’ twassal biex żżomm ir-relazzjonijiet bejn stati f’livell aċċettabbli. L-imġieba ta’ persuna diplomatika titqies ‘insensitttiva’ meta dan jinsisti jixrob l-inbid f’ċena uffiċjali fil-presenza ta’ mistednin Musulmani jew meta jinsisti li għandhom joffrulu l-ġobon meta jkun mistieden għal pranzu mogħti mill-Ambaxxatur Ċiniż.
Meta ambaxxatur jixli lill-Kanċillier Ġermaniż b’delitti kriminali li kienu twettqu minn Nażisti 70 sena ilu, jkun qed iperreċ il-preġudizzji razzjali tiegħu u jkun qed jagħmel l-akbar inġurja u malafama possibbli. Ikun qed ifittex li joffendi u jweġġa’ u jista’ jwassal biex kwistjoni ma jinstab tarfha qatt.
Ambaxxatur li jġib ruħu b’dan il-mod juri wkoll injoranza tal-prima klassi u li huwa bniedem li kien tlibbes żarbun li ċertament ma jiġieħx. Juri wkoll li mhux biss ma jaf assolutament xejn dwar l-istorja iżda wkoll li m’għandu ebda ħila li jifhem il-ħtieġijiet tal-politika, tar-relazzjonijiet internazzjonali u tad-diplomazija.
Ambaxxatur li jġib ruħu b’dan il-mod ikun qed juri nkompetenza li twaħħax.
Minħabba l-injoranza grassa tiegħu, Michael Zammit Tabona waqqalna wiċċna l-art grazzi għall-imġieba stupida tiegħu xxandret fl-aħbarijiet madwar id-dinja kollha.
Għaliex l-aħbarijiet ewlenin tal-BBC tal-bieraħ filgħaxija ma kienux fis-sens li Michael Zammit Tabona – għallief ewlieni tal-Partit Laburista, bniedem magħruf għall-brikkunati fejn jidħol il-ħruġ ta’ permessi dwar l-ippjanar, sid ta’ vapuri li jġorru t-turisti u gwardjan privat ta’ vittmi tal-preġudizzji razzjali miżmumin illegalment – huwa mbeċilli tal-prima klassi. Li kieku kien hekk, kienet tkun problema li sta għalih biex isib tarfha. L-aħbar ewlenija kienet li ambaxxatur Malti tkellem b’mod offensiv u nsolenti u b’aktar mod stupidu spara tiri lejn l-identità Ewropea u lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-fraternità li kienu twelldu mill-ġdid fl-Ewropa wara l-gwerra hekk kif Adolf Hitler għamel suwiċidju.
Meta sejjaħ l-istqarrija ta’ Zammit Tabona bħala waħda “insensittiva”, l-ministru tal-affarijiet barranin iċċertifikaha bħala stqarrija li, għalkemm għandha mis-sewwa, ma messiex tlissnet. Il-ministru qal li dalgħodu kien bi ħsiebu jagħmel apoloġija lill-ambaxxata tal-Ġermanja għal din l-istqarrija insensittiva, iżda f’ebda mument ma ddisassoċja ruħu minn dak li stqarr Michael Zammit Tabona. Speċi ta’, mhux bi ħsiebna ngħidu li m’huwiex minnu li Angela Merkel, bħal Adolf Hitler qabilha, bi ħsiebha tiddomina lill-Ewropa bil-forza.
Evarist Bartolo ma wera’ ebda sogħba għal dak li stqarr Michael Zammit Tabona iżda wera’ dispjaċir għal dak li dan kien leħaq stqarr. Lanqas ma wera’ xi sogħba li żamm f’postu bħala ambaxxatur persuna li m’għandha kwalifiki diplomatiċi ta’ xejn. Li kieku għamel dan, kien ikollu jerġa’ jibla’ l-kliem li lissen ħmistax ilu u jirriżenja bħala turija ta’ sogħba għal dan l-inċident diplomatiku mill-aktar serju.
Dak li seħħ ma kien xejn ħlief l-agħar insult li qatt sar minn diplomatiku Malti minn dakinhar li Jean de Valette kien spara bil-kanuni fuq Mustapha Pasha bl-irjus skarnati tal-priġunieri Torok.
Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ il-għala Evarist Bartolo baqa’ ma warrabx. Eżatt bħalma kien seħħ wara l-1971, Malta qed terġa’ żżomm mad-dittaturi kontra d-demokratiċi tal-Ewropa. Bl-istess mod kif kien ġab ruħu Dom Mintoff hekk kif ħa r-riedni tas-setgħa xi snin wara l-indipendenza, l-gvern ta’ Robert Abela jinsab mehdi jpinġi lis- sħab tradizzjonali tagħna l-Ewropej bħala għajjiena, ineffettivi u dekadenti. L-istess bħalma kien għamel Mintoff fis-snin 70 fil-konfront ta’ Muammar Gaddafi, issa bdejna nħollu r-rabtiet tagħna ma’ Franza, mal-Ġermanja mal-Italja, ma’ Spanja u l-bqija u qed nibnu alleanzi ma’ dittaturi basta jkunu lesti li jħallsu.
Il-mument “Helsinki” ta’ Robert Abela jidher li wasal meta ġietu f’moħħu l-idea li jipprova jxejjen politika Ewropea li l-għan tagħha hu li żżomm it-tixrid ta’ armi f’idejn ir-ribelli fil-Libja u li jissieħeb fl-indħil tat-Turkija fil-kunflitt Libjan.
Minn Ilham Aliyev bdejna nitbandlu fid-direzzjoni ta’ Recep Tayyip Erdogan u fid-direzzjoni wkoll ta’ interessi Russi. Lir-Russi qed naġevolawhom bl-imminar minn naħa tagħna tal-proġett Ewropew, bit-tmexxija ta’ preġudizzji kontra l-Ewropa, bl-idea li jkun aħjar jekk nitilqu mill-Unjoni Ewropea u bl-użu tal-veto li kienu fdawlna f’idejna biex infixklu x-xogħol tal-Ewropa b’riżq l-istabilità lil hinn mill-fruntieri tagħha.
Din m’hi insensittività xejn, iżda hi att ta’ sabutaġġ imsejjes fuq ostilità ideoloġika fil-konfront tal-għaqda Ewropea li jinqala’ ferm għaliha nostalġiku Sovjetiku bħal Evarist Bartolo. Bħala student tal-imgħallem tiegħu Joseph Muscat, ideoloġikament Robert Abela la jaf huwiex ġej u lanqas huwiex sejjer. Dan jinteressah biss li jassigura li jibqa’ fis-setgħa u jinsab moqdi sewwa bl-imġieba ta’ Evarist Bartolo.
Meta Angela Merkel kienet ġabet ruħħa b’mod responsabbli u kienet fetħet il-bibien ta’ pajjiżha għal miljuni ta’ refuġjati Sirjani li kienu qed ifittxu l-kenn mill-gwerra ċivili f’pajjiżhom, ma kienitx ħadet deċiżjoni meqjusa popolari. Deċiżjonijiet bħal dawn kważi qatt ma jattiraw iċ-ċapċip isteriku li kien jattira Adolf Hitler fil-meetings tal-partit tiegħu – fi żmienna dan iċ-ċapċip isteriku ta’ sikwit insibuħ f’meetings tal-Partit Laburista ta’ Malta.
Il-folla togħxa tgħajjat Sieg Heil għalenija meta tiġi mxewxa minn politika ta’ mibgħeda u ta’ kastig kollettiv. F’xenarji bħal dawn, l-immaġinazzjoni tan-nies tikkarga u jeħlu mijiet ta’ eluf ta’ suwed għall-imxijja tal-coronavirus, għall-imwiet fid-djar tal-anzjani, għall-kollass tal-industrija tat-turiżmu u għall-kirjiet għoljin.
Il-vapuri ta’ Michael Zammit Tabona qed jiġu wżati bħall-ferroviji ta’ Hitler qabel il-bidu tal-Konferenza ta’ Wannsee – u hawn nixtieq niċċara li mhux qed nirreferi għall-qtil massiċċ li kien wettaq Hitler.
Qed nirreferi iżda għad-detenzjoni llegali ta’ dawk li m’humiex qed igawdu mid-drittijiet li għandu ħaddieħor, li qed jinġabru u jinżammu ‘l bogħod biżżejjed biex jintesew u li qed jiċċaħħdu minn kull kura u attenzjoni il-bogħod minn għajnejna.
U fl-istess waqt, sid il-vapuri qed jagħmel tajjeb għax-xogħol mitluf mit-turiżmu u jsarraf l-għajnuna u l-kontribuzzjonijiet politiċi li jagħmel billi jdaħħal kemxiet ġmielhom mingħand il-gvern bil-kiri tal-vapuri tiegħu.
Anki jekk illum Michael Zammit Tabona m’huwiex iħossu trankwill u seren, lil dan se jaslu biex jixluh biss b’niskata insensittivtà.