Il-bieraħ binti għalqet għaxar snin. Għaddew l-ewwel għaxar snin ta’ ħajjitha. Għeluq l-ewwel għaxar snin, għeluq l-għoxrin sena, għeluq it-tletin sena eċċetra huma speċjali. Kull għaxar snin li jgħaddu għandna nħossuna xxurtjati li rnexxielna nibqgħu mimlijin bil-għomor. Mhux kulħadd ser jirnexxielu jasal biex jagħlaq is-60 sena u jkun hemm inqas persuni li jaslu sa għeluq is-70 jew it-80 sena tagħhom.

Il-jum ta’ għada d-9 ta’ Mejju kien ikun jum speċjali għal Raymond Caruana. Li kieku kien għadu ħaj meta għalaq 30 sena, għada kien jagħlaq 60. Il-familja tiegħu ilha tħoss in-nuqqas tiegħu għal 33 sena. Baqgħet qatt ma saret ġustizzja għat-telfa kbira li kienu ġarrbu, għalkemm kien hemm okkażjonijiet fejn ħasbu li kienu qrib li ssir.

Ritratt: Imxandar għall-ewwel darba f’Il-Mument 04.12.2011

Raymond Caruana kien inqatel f’Diċembru 1986. Kien qed jieħu birra ma’ sħabu hu u jiċċelebra l-ftuħ uffiċjali tal-każin tal-PN fil-Gudja, raħal agrikolu zgħir u kwiet. Iċ-ċelebrazzjonjiiet kellhom isiru ġewwa l-każin għaliex dakinhar kien maltemp u bosta mill-partitarji kellhom ifittxu l-kenn fih.

F’ħin minnhom xi ħadd riekeb Land Rover saq fit-triq quddiem il-każin u spara diversi balal fuq il-faċċata tal-binja. Aktar kmieni dik il-ġimgħa stess, kienet ġrat l-istess ħaġa fuq il-faċċata tal-każin tal-PN ta’ Ħal Tarxien. Kien żmien ta’ tensjoni kbira. Il-Ħadd ta’ qabel, il-PN kien ippjana li jorganizza mass meeting fiż-Żejtun minkejja l-fatt li l-Pulizija kienet ċaħditlu l-permess. Folla mdaqqsa nġabret fit-triq Tal-Barrani u bdiet miexja lejn iż-Żejtun. U għaliex il-folla ażżardat tipponta lejn il-fortizza Laburista taż-Żejtun, il-Pulizija bdiet tispara l-gass tad-dmugħ għal fuqha. Ġew ukoll sparati diversi tiri fuq il-folla.

Minn investigazzjoni li saret aktar tard irriżulta li l-arma li ntużat biex ġew sparati l-balal f’Tal-Barrani kienet l-istess waħda li ntużat biex ġew sparati balal fuq il-faċċata tal-każin ta’ Ħal Tarxien u, aktar tard, fuq il-faċċata tal-każin tal-Gudja. Iżda fil-każ tal-każin tal-Gudja l-isparatura ħalliet vittma: iż-żagħżugħ Raymond Caruana ntlaqat f’rasu u miet fil-pront.

Hemm min igħid li Raymond Caruana kellu xortih ħażina għaliex ma jidhirx li hu (jew ħaddieħor) kien fil-mira tal-balal. Iżda r-realtà hi li hu kien fil-mira. Il-balal kienu mmirati lejh għaliex, minkejja l-inkwiet u tensjoni politika li kien għaddej minna l-pajjiż dak iż-żmien, xorta waħda kien lest li jisfida u li jieħu birra ma’ sħabu fil-każin tal-partit tiegħu.

Illum ma jkun hemm xejn ta’ barra jekk xi ħadd jagħżel li jmur jieħu birra f’każin ta’ partit. Iżda fl-1986, għażla bħal din kienet waħda li tista’ ġġib l-inkwiet u l-periklu għal min jagħmilha għaliex kienet tammonta għal stqarrija politika ta’ konvinzjoni, ta’ sfida, ta’ indipendenza individwali u ta’ awtonomija fil-konfront tal-intimidazzjoni.

Ċertament Raymond Caruana ma kellu ebda intenzjoni li jintlaqat minn balla minkejja t-tensjoni kollha li l-pajjiż kien għadda minnha f’dik il-ġimgħa stess fiż-Żejtun u f’Ħal Tarxien. L-arma li qatlitu ntużat biex tipprova tkisser il-moral ta’ nies bħal Raymond Caruana u biex turihom li ta’ xejn li joqgħodu jittamaw fil-bidla għax is-setgħa kienet f’idejn dawk li subgħajhom kien fuq il-grillu u mhux f’idejn dawk jixorbu l-birra għall-affari tagħhom f’każin.

Raymond Caruana nqatel f’Diċembru 1986 u f’Mejju ta’ wara kien jagħlaq 27 sena. F’Mejju kien bi ħsiebu jiżżewweġ u jibda’ ħajja ġdida mal-għarusa tiegħu. Ma kellux ikun.

Iżda ġara’ li dakinhar ta’ għeluq sninu, jiġifieri nhar id-9 ta’ Mejju 1987, seħħet il-bidla kbira f’pajjiżna. Dakinhar is-saltna tal-manigoldi u tal-bulijiet li kienu rekbin fil-Land Rover u li sparaw u qatlu lil Raymond Caruana kienet ġiet fi tmiemha.

Kienet rebħet it-tama ta’ min ma kienx lest iċedi. Il-biża’ tal-bqija tal-poplu żvintat u bil-mod il-mod reġgħet bdiet issaltan in-normalità f’pajjiż li issa kien tefa’ ħarstu lejn l-Ewropa, lejn id-demokrazija, lejn is-suq ħieles, lejn is-sussidjarjetà u lejn il-pluraliżmu fix-xandir. Fl-istess waqt kien spiċċa ż-żmien li fih kienu jinqatlu nies miżmumin taħt arrest mill-pulizija, il-gvern ma baqgħax ħaġa waħda mat-tiranni, il-monopolju tal-istat fix-xandir twarrab, spiċċaw l-iskarsezzi ekonomiċi u l-korruzzjoni.

F’dik is-sena Malta baqgħet lura milli tfakkar it-42 anniversdarju tat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. Dakinhar Malta kienet qed tivvota favur il-ħalsien tagħha stess.

Fid-9 ta’ Mejju 1987 Raymond Caruana ma kien irċieva ebda rigali għal għeluq sninu. Iżda kien hu li ta rigal kbir lil Malta bis-saħħa tas-sagrifiċċju li kien għamel bla ma ried.

Raymond Caruana miet biex aħna nkunu ħielsa.

Issa li s-sitwazzjoni qed tiggrava aktar milli kienet gravi fl-1986, nagħmlu sewwa jekk niftakru fis-sagrifiċċju li kien għamel Raymond Caruana. Il-politika barranjija ta’ Malta qed terġa’ ssir ħaġa waħda mal-kriminali u minnha nnifisha, l-politika ekonomika feħtitilhom il-bibien beraħ. U ninsabu fgati bil-korruzzjoni li hawn kull fejn tħares.

Illum m’għadhomx jużaw l-armi biex ikissrulna l-moral. Qed jagħmlu użu ta’ vjolenza ta’ xort’oħra li hi aktar effettiva: qed jippruvaw isikktu lid-dissidenti, jintimidaw lill-kritiċi u jkissru kull oppożizzjoni.

Minkejja kollox, jeħtieġ li nispiraw ruħna mill-ispirtu qawwi li kellu Raymond Caruana li, minkejja l-biża’ u l-intimidazzjoni li kellu madwaru, sab kenn mill-maltemp f’każin biex jieħu birra ma’ sħabu u ttama f’ħajja aħjar wara Mejju tas-sena l-ġdida.

Jew wara aktar minn Mejju wieħed fil-ġejjieni.