Nagħmlu sewwa jekk għal ftit mumenti ndawwru ħsibijietna fuq dawk in-nies kollha li jinsabu mwaħħlin fuq vapuri tal-Captain Morgan ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin. Forsi jkun hawn min igħid li jinsabu aħjar fejn qiegħdin bħalissa milli f’qiegħ il-baħar. Iżda l-verità tinsab fejn tinsab, dejjem aħjar minn qiegħ il-baħar.
Użud minnhom ilhom abbord mit-30 ta’ April, ħmistax il-jum b’kollox. Qed jinżammu fuq il-vapuri sa biex ma jkun hemm ħadd li jdawwar ħsibijietu fuqhom.
Dawn il-vapuri minn tarf sa tarf saru d-dinja tagħhom u qed jiġu mgħassa minn gwardjani imħallsin huma u jistennew li jkun hemm xi żvilupp. Ftit għandhom fejn jaqdu l-bżonnijiet naturali tagħhom u fejn jistgħu jinħaslu.
Ħajjithom ġiet salvata iżda m’humiex jitħallew igħixu l-milja tagħha. X’aktarx li dawn ma jafu xejn dwar id-drittijiet li għandhom. Jiġifieri li għandhom dritt li japplikaw biex jiġu kunsidrati bħala refuġjati u li jingħataw l-ażil jekk ikunu ntitolati għalih. Iżda bħalissa ibqgħu ċerti li x’aktarx aktar moħħom fuq il-maltempata fuq il-baħar li jmiss, fuq id-deni li qed jagħmlilhom il-baħar, fuq ir-riħa tinten abbord u fuq l-ħajja inutli li qiegħdin igħixu.
Jistgħu jaf jew ma jafux li qed jinżammu bħala ostaġġi f’nofs tilwima li hemm bejn persuni li ma jafuhomx u li qatt ma ltaqgħu magħhom u li m’humiex interessati jsiru jafu r-raġunijiet wara l-vjaġġ li kienu għamlu.
Malta qed tilgħab man-nar. Logħba li fiha l-ewwel li jinħarqu jkunu l-immigranti.
Meta ma jkollokx x’titlef, faċli li tilgħabha tal-ors.
Li kieku dawn il-bnedmin kienu baqar miżmumin fuq vapuri bejn sema’ u ilma għal ħmistax il-jum, imġieba bħal din konna nsejjħulha ħdura.