Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa li kien inħatar minħabba l-imġieba tal-gvern wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kellu kliem iebes fil-konfront tal-Avukat Ġenerali Peter Grech f’ittra li huwa bgħat illum. Pieter Omtzigt kiteb dwar ir-riżenja tal-avukat Charles Mercieca mill-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali li immedjatament wara ngħaqad mal-avukati tad-difiża ta’ Yorgen Fenech.
Pieter Omtzigt ġibed l-attenzjoni għall-fatt li Charles Mercieca ilu biss sentejn li kiseb il-lawrja ta’ avukat u li x’aktarx ingħaqad mal-avukati tad-difiża ta’ Yorgen Fenech “għaliex għandu informazzjoni minn ġewwa l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali”.
“Jekk huwa minnu li Charles Mercieca għandu informazzjoni dwar il-każ ta’ Caruana Galizia,” kiteb Pieter Omtizgt, “se ssir ħsara kbira irriversibbli lill-prosekuzzjoni mhux biss ta’ Yorgen Fenech iżda wkoll ta’ persuni suspettati oħrajn, kemm jekk huma taħt akkuża kif ukoll li għadhom ma ġewx mixlija”.
Ir-rapporteur irrakkomanda li għandu jkun hemm “azzjoni immedjata biex dan ir-riskju jitwarrab, dejjem dment li m’huwiex tard wisq diġà”.
“Wara periodu li fih jidher li kien sar xi progress, l-awtoritajiet Maltin ikunu qed jonqsu bil-kbir kemm il-darba iż-żlealtà ta’ Charles Mercieca titħalla timmina dan il-każ tant importanti. Barra min hekk, ir-riżenja ħabta u sabta tiegħu u l-mod kif ingħaqad mad-difiża jistgħu inaqqsu l-fiduċja tal-pubbliku fl-uffiċċju tiegħek u fil-ħila tiegħek li tħares il-kunfidenzjalità”.
Letter to AG Dr. Grech on the disturbing recent development in the case of the assassination of Daphne Caruana Galizia:
The resignation of Charles Mercierca from the office of the AG and his appearance in court the next day as a laywer of the suspected master mind, Yorgen Fennech pic.twitter.com/giKA7koW0s— Pieter Omtzigt (@PieterOmtzigt) May 11, 2020
Pieter Omtzigt għamel ukoll sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Avukat Ġenerali Peter Grech dwar sanzjonijiet li jistgħu jsiru kontra l-imġieba ta’ Charles Mercieca.
Hu u jwieġeb mistoqsijiet li għamiltlu qabel irċieva din l-aħħar ittra mingħand Pieter Omtzigt, Peter Grech qalli li “ kull impjegat għandu dritt li jirriżenja mill-impjieg tiegħu u ma jistax jiġi mġiegħel jibqa’ fl-impjieg. Madankollu ninsab imħasseb bir-riżultat li nkiseb minħabba n-natura tal-impjieg ġdid li nstab”.
L-Avukat Ġenerali kompla jgħid “li ma jkunx prudenti jekk, f’dan l-istadju, jagħmel stqarrijiet pubbliċi dwar il-kwistjonijiet legali u etiċi li jistgħu jitqanqlu minn dan il-każ”.
Aqraw il-kontenut kollu tal-ittra: