Malta tissemma’ llum f’rapport li xandar il-ġurnal Taljan Il Foglio li jġib it-titlu today “L’Isola dei Sovranisti”. Is-‘Sovranismo’ hi kelma politika li tiddeskrivi dawk il-politiċi tal-lemin estrem li jitkellmu favur l-awtonomija u l-indipendenza tal-istat u jidhrilhom li pajjiż għandu jaġixxi biss fl-interessi tiegħu mingħajr ma jagħti każ tal-liġijiet u tal-koperazzjoni internazzjonali. Din il-kelma ta’ spiss tintuża biex tfisser il-politika leminija estrema ta’ Matteo Salvini li kien għamel żmien iservi ta’ ministru fil-gvern ta’ koalizzjoni fl-Italja.
Ir-rapport miktub minn Luca Gambardella jirreferi mhux biss għat-treġġija lura tal-immigranti li seħħet fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid, iżda wkoll dwar il-mibgħeda razzista, dwar il-politika anti-Ewropea u dwar l-attakki li saru fuq il-Ġermanja u fuq il-Vatikan minn uffiċjali tal-gvern Malti.
Ir-rapport jirriproduċi wkoll kummenti li saru mill-Arċisqof Charles Scicluna li qal li “b’xorti ħażina ma nkunux qed neżaġeraw meta nitkellmu dwar il-ksenofobija u dwar ir-razziżmu li jeżistu f’Malta. Dawn huma r-riżultat ta’ sens ta’ frustrazzjoni. Malta għandha numru dejjem jikber ta’ foqra u ta’ persuni qiegħda u l-frustrazzjoni toħnoq kull sens ta’ solidarjetà”. L-Arċisqof kompla jgħid li tort tal-imxijja tal-coronavirus, “it-turiżmu ġie fix-xejn,” u żied li l-Ewropa wkoll għandha r-responsabbiltajiet x’taqdi. “Malta ma tistax titħalla weħidha dwar il-kwistjoni tal-immigranti. Din il-problema ma nistgħux insibu tarfha b’miżuri sporadiċi ta’ nofs kedda. Il-miżuri jeħtieġ li jkunu strutturati”.
Ir-rapport ifakkar li meta kien ħa l-ġurament ta’ prim ministru Robert Abela kien intrabat li jsewwi r-reputazzjoni ta’ Malta wara dak li serva qablu kien irriżenja skreditat. Iżda jidher li m’hux jirnexxielu. Politika ewlenija li qed isegwi, li permezz tagħha qed jimxi fuq il-passi tas-sovranisti Taljani, hi dik li jikkriminlaizza s-salvataġġi tal-immigranti mill-NGOs.
Tistgħu taqraw ir-rapport hawn.