Min qed jieħu ħsieb il-pubbliċità ta’ Edward Zammit Lewis mingħalih li riklami mħallsa mxandrin fuq ġurnal għandu jkollhom l-effett li jaqilgħulu l-prosit tal-qarrejja.
Fir-riklam, Edward Zammit Lewis igħid li “f’inqas minn 4 xhur dan il-gvern mexxa’ ‘l quddiem proposti leġiżlattivi storiċi u mingħajr preċedent għall-ġudikatura u għall-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż”.
Kważi kull kelma f’din l-istqarrija nkitbet biex tqarraq. “Dan il-Gvern” ilu fis-setgħa 7 snin u mhux 4 xhur. Qabel ħadu r-riedni tas-setgħa fl-2013 dawn kienu wiegħdu dak li huma sejħu bħala t-“Tieni Repubblika”. U malli ħadu s-setgħa f’idejhom, injoraw kull tip ta’ kumitat li għaddielhom ir-rakkomandazzjonijiet.
Anki li kieku wieħed kellu jieħu in konsiderazzjoni ż-żmien li għadda minn dakinhar li tal-Kummissjoni ta’ Venezja talbu li jitwettqu dawn ir-riformi, dan il-gvern ilu jaf b’dawn it-talbiet minn Diċembru tal-2018. Mhux 4 xhur. Jekk Edward Zammit Lewis irid ifisser li l-ministru ta’ qablu Owen Bonnici – li issa għandu r-responsabbiltà ministerjali għall-edukazzjoni – ma kien jiswa’ għal xejn, imissu jgħidilna ċar u tond.
Ċertament mhux minnu li l-gvern “mexxa ‘l quddiem proposti leġislattivi”. Kulma xandar kienet ittra miktuba b’lingwaġġ li jixbaħ dak li t-tfal jiktbu fil-Milied lil Father Christmas. Il-proposti leġislattivi jsiru biex jitfasslu l-liġijiet. Sa fejn huwa magħruf dawn il-proposti ma jeżistux. Li kieku Edward Zammit Lewis kien Mozart kien jgħidilna li l-opra li ħoloq tgħallimha bl-amment f’moħħu. Iżda Edward Zammit Lewis m’huwiex Mozart. Għalhekk, qabel joqgħod jiftaħar bix-xogħol tiegħu permezz tar-riklami, għandu jara li fil-fatt ix-xogħol isir.
Hekk kif jinkitbu iswed fl-abjad, għad irridu naraw jekk il-proposti leġislattivi kemm ser ikunu “storiċi”. Huwa ttamat li dawn ikunu “bla preċedent” għaliex jekk dawn diġà kieu saru fl-imgħoddi, mhux ser ikun hemm bidliet issa, hux hekk? Jekk Edward Zammit Lewis ser jogħxa hu u jara r-ritratt tiegħu stess fil-ġurnal, ma tagħtiħx tort jekk jeċċita ruħu xi ftit.
Edward Zammit Lewis qed jallega li kien x’kien ix-xogħol li wettaq, dan jammonta għal “proposti għal riforma”.
Qed igħid, per eżempju, li s-setgħa tal-ħatra ta’ uffiċjali għolja se tgħaddi “minn idejn il-prim ministru għal idejn il-kabinett tal-ministri”. B’daqshekk jaħseb li se jbellagħha li s-setgħa tal-prim ministru ser titnaqqas? Jew, per eżempju, l-mod kif qed jipproponu li l-President – minflok il-prim ministru – għandu jirċievi r-rakkomandazzjonijiet direttament mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku meta l-membri tal-istess Kummissjoni huma magħżula mill-prim ministru nnifsu. Effettivament dawn il-proposti huma biss sforz biex jiġi żgurat li ma jinbidel xejn u li kollox jibqa’ kif inhu llum.
Fir-riklam Edward Zammit Lewis igħid li “dan huwa gvern li jemmen fid-djalogu u fit-trasparenza”. Iżda f’artiklu ieħor fis-Sunday Times of Malta, jikteb li “xi kritiċi jistgħu jgħidu li ma kienux ġew konsultati b’mod adegwat. Iżda din m’hix ir-realtà għaliex aħna tkellimna ma’ diversi persuni u entitajiet rispettati li għamlulna l-proposti tagħhom fi żmien relattivament qasir”.
Din hi s-sitwazzjoni attwali. M’humiex jgħidu li xogħol li kienu ġew jaqgħu u jqumu minnu u li kien messu sar seba’ snin ilu, qed jippruvaw jagħmluh f’erba’ xhur. Issa qed jgħidu li jridu jemendaw il-Kostituzzjoni u jagħmlu tabirruħom li qed itejjbu s-sitwazzjoni iżda li ma kellhomx biżżejjed ħin li jitkellmu mal-kritiċi tagħhom.
Edward Zammit Lewis qed jagħmel ħafna storbju minkejja l-fatt li m’għamel xejn. Wara kollox, taħsbu li dan ser jagħmel liġijiet li setgħu kienu ta’ xkiel għal sieħbu Joseph Muscat fiż-żmien meta dan kien prim ministru, meta abbuża mis-setgħa li kellu u lill-pajjiż stmah qisu ġugarell?
Fl-aħħarnett nistaqsi: lil min qed jipprova jimpressjona Edward Zammit Lewis b’dawn ir-riklami? Dan għadu qed jistenna tweġiba mingħand tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-proposti li għamel.
Iżda Edward Zammit Lewis diġà mar jiċċelebra ma’ min għamillu r-riklam talli għadda minn eżami li għadu ma qagħadx għalih.