Il-gvern jidher li skanta bir-reazzjoni li kien hemm madwar id-dinja għall-aħbar li Charles Mercieca kien irriżenja mill-impjieg tiegħu ta’ prosekutur mal-Avukat Ġenerali biex l-għada stess ingħaqad mal-avukati tad-difiża ta’ Yorgen Fenech. Il-gvern ma messu skanta xejn u kellu jintebaħ mill-ewwel x’reazzjoni ta’ tbelliegħ kien ser ikun hemm wara li seħħet kawlata oħra bħal din. Iżda l-gvern jidher li kien bit-tama li d-dinja ser titlef l-interess f’Malta u li ser tiġi taqa’ u tqum minn dak li qed iseħħ f’pajjiżna.
Is-sħab tagħna Ewropej qed jeżiġu li ssir ġistizzja għal Daphne Caruana Galizia. U din il-ġustizzja m’hi ser issir qatt kemm il-darba dak li jinsab mixli li kellu sehem fil-qtil tagħha jidher li rnexxielu jdeffes denbu fl-uffiċċju tal-prosekutur, eżatt bl-mod istess kif wieħed għandu jistenna li normalment iseħħ f’mafia state fejn il-konnessjonijiet familjari u politiċi jafu jaslu biex iqarrbu l-boċċa qrib il-likk.
Għal darb’oħra l-gvern għandu ma’ wiċċu kriżi oħra. Tgħid kif ser jirnexxielu jikkonvinċi lid-dinja li ma kellu xejn x’jaqsam ma’ dik li tidher li hi ħadma minn taħt?
Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħabbar li kien ser isejjaħ għat-tnedija ta’ inkjesta taħt il-liġi tal-Inkjesti. Minkejja l-fatt li s’issa għadhom ma xxandrux it-terms of reference li għandhom jirregolaw il-ħidma tal-inkjesta u kollox għadu mhux ċar, l-gvern jidher li jrid lin-nies temmen li se ssir inkjesta kif suppost għaliex qed iserraħ fuq l-ipotesi li ftit huma dawk li jafu x’fiha l-liġi.
Meta tiġi wżata minn ministri tal-gvern, il-liġi dwar l-Inkjesti hi waħda speċifika ħafna: dawn għandhom is-saħħa li jordnaw li ssir inkjesta fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tagħhom bil-għan li tiġi mgħarbla l-imġieba jew il-mod tat-tmexxija fid-dipartiment jew kull ħaġa oħra li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dak id-dipartiment. Għaldaqstant inkjesta bħal din tkun tista’ tgħarbel dwar jekk Charles Mercieca kellux il-kwalifiki kollha meħtieġa meta kien ingħata l-impjieg, dwar jekk kienx mela’ l-applikazzjoni b’mod korrett jew le u dwar jekk l-imgħallmin tiegħu fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali mxewx skond il-proċedura jew le.
M’hemmx dubju li b’parametri bħal dawn, ir-riżultat ta’ inkjesta bħal din ser ikun ċertifikat li ma kien sar xejn ħażin. Liema ċertifikat il-ministru mbagħad ikun jista’ jxejjirulna f’wiċċna. Għaliex ta’ min igħid li, f’dan il-pajjiż, jidher li ma tridx wisq biex xi mafjuż jaħkem xi rokna fl-uffiċċju tal-prosekutur.
M’huwiex dan biss li jeħtieġ li jiġi investigat.
Jeħtieġ li jiġi investigat x’kuntatti kien hemm bejn Charles Mercieca u Yorgen Fenech qabel dan tqabbad bħala l-avukat ta’ dan tal-aħħar. Tgħid iridu jbellgħuha li Charles Mercieca beda’ jfittex impjieg ġdid nhar it-Tlieta fil-5 ta’ filgħaxija u li kien tqabbad minn Napuljun tal-kriminalità f’Malta l-għada qabel id-9 ta’ filgħodu?
Huma appuntu dawn il-kuntatti li jistgħu iwassluna biex nifhmu aħjar jekk Charles Mercieca kienx tassew ittradixxa lill-klijent tiegħu – jiġifieri lill-poplu Malti – billi serva ta’ spija biex jaqdi kriminal li l-poplu qed jixlieh bil-qtil ta’ ġurnalista, mara u omm. U meta dan nifhmuh sewwa, nkunu nistgħu nikkonkludu jekk kienx każ ta’ regħba liema bħalha jew ta’ ħakma tal-mafja fuq il-ħidma tal-istat.
Għar-raġunijiet li semmejt hawn fuq, inkjesta li titnieda taħt il-liġi tal-Inkjesti m’hi ser tasal qatt biex tikxef l-informazzjoni li hi meħtieġa biex il-verità tkun tista’ titla’ fil-wiċċ. Kulma ser tagħmel inkjesta bħal din hi li tagħti ċertifikat lill-ministru u dan minħabba l-fatt li x’aktarx l-avukat ġenerali ser igħid li m’għandux għalfejn joqgħod iwieġeb mistoqsijiet skomdi u dan minħabba l-fatt li din hi kwistjoni li għandha x’taqsam mal-uffiċċju tal-prosekutur u li, f’dak ir-rwol, id-dipartiment tiegħu m’huwiex kontabbli lejn il-ministru tal-ġustizzja.
Edward Zammit Lewis hawn qiegħed jimxi fuq il-passi tal-ministru ta’ qablu Owen Bonnici. Minn għada stess ibqgħu ċerti li ser igħidulna li: ‘l-kwistjoni qed tiġi mgħarbla mill-inkjesta u għaldaqstant għalissa ma nistgħux nikkummentaw’. U mbagħad hekk kif joħroġ ir-riżultat tal-inkjesta u qabel tinxef il-linka fuq ir-rapport, ser igħidulna li: ‘l-inkjesta rriżultalha li l-avukat ġenerali u l-gvern kienu mxew skont il-liġi’.
U fil-frattemp, tistgħu tibqgħu ċerti li l-gvern ser ikollu lil Saviour Balzan biex jaqbeż għalih. Il-Ħadd li għadda qalilna li dawk li qed joġġezzjonaw għall-imġieba ta’ avukat għadu jilħaq li, mil-lum għall-għada, minn naħa waħda qasam għal naħa oħra qed jagħmlu dan għax inzerta li Charles Mercieca huwa Laburist. U, filwaqt li kkwota dak li qal il-president tal-kamra tal-avukati, injora għal kollox id-diżapprovazzjoni tal-biċċa ‘l kbira tal-avukati li jirrispettaw kemm lilhom infushom kif ukoll lill-professjoni tagħhom.
Għażiż Saviour, Charles Mercieca huwa Laburist għaliex dan mingħalih li ħadd m’għandu joġġezzjona meta avukat li għadu jilħaq, mil-lum għall-għada, jaqsam minn mal-prosekuzzjoni għal mad-difiża f’każ ta’ qtil ta’ ġurnalista li kienet waħda mill-kritiċi ewlenin tal-gvern.
U mhux bil-maqlub.