Robert Abela wiegħed livelli għoljin ta’ mġieba fejn għandha x’taqsam il-governanza. Iżda milli jidher il-ministri mhux bi ħsiebhom jintrabtu b’din il-wegħda u dan ma jmurx xi wieħed (jew aktar) minnhom jinqabad bil-qalziet imniżżel sa għarqubu.
Illum huwa wieġeb għall-mistoqsijiet li l-ġurnalisti qed jagħmlu lill-ministri wara li ftit tal-jiem ilu Paul Caruana Galizia xandar tweet li fiha stqarr li ministru tal-kabinett kien f’kuntatt mill-qrib ma’ Yorgen Fenech u li segretarju parlamentari kellu jew kellha relazzjoni sesswali miegħu.
Bosta mill-ministri tfixklu f’saqajn xulxin bil-ħerqa li kellhom biex jiċħdu li fl-2019 ma kellhom ebda relazzjoni ma’ Yorgen Fenech. Adrian Delia, Julia Farrugia Portelli, Edward Zammit Lewis, Silvio Schembri u saħansitra anki Robert Abela: ilkoll ċaħdu b’mod kategoriku li kellhom xi kuntatt ma’ Yorgen Fenech fix-xhur ta’ qabel l-arrest tiegħu u t-tlugħ eventwali tiegħu lejn il-qorti.
Rosianne Cutajar tkellmet mill-inqas u għamlet bħalma hu mdorri jagħmel Joseph Muscat: lill-ġurnalisti talbithom jistaqsu lil Paul Caruana Galizia jekk kellhiex x’taqsam ma’ Yorgen Fenech. B’daqshekk din mingħaliha li serrħiltina moħħna.
Iżda aktar inkwetanti kienet l-istqarrija li għamel Robert Abela – li jridha tal-paladin tal-livelli għoljin ta’ mġieba fil-politika tant li jippretendi li ser insiru l-għira tad-dinja – fejn insista li m’għamlu xejn ħażin dawk il-politiċi li ħakkew mill-qrib ma’ Yorgen Fenech qabel dan ġie mixli bi qtil.
L-istqarrija li għamel m’hi xejn ħlief ħmerija grassa. Il-Prim Ministru ma stqarrx li kien diġà ilu magħruf minn 13 il-xahar qabel ġie mixli, li Yorgen Fenech huwa sid is-17 Black u li kien qed jinqeda’ b’din il-kumpannija biex ixaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Wara Ottubru 2018, kull politiku li ddendel ma’ djul Yorgen Fenech għamel dan biex jakkwista l-flus bi bdil ma’ pjaċiri politiċi li persuni bħal Konrad Mizzi and Keith Schembri kienu lesti li jagħmlu.
M’għandniex xi ngħidu, mhux kull politiku rnexxielu jakkwista daqs kemm kien irnexxielhom jakkwistaw kuljum Keith Schembri u Konrad Mizzi għaliex mhux kull politiku kellu s-setgħa li jagħti lura daqs kemm ikun akkwista. Xi wħud minnhom setgħu biss joffru s-skiet u n-newtralità tagħhom kemm il-darba kellu jfeġġ l-inkwiet u oħrajn kellhom is-setgħa li jagħtu l-appoġġ tagħhom biex joħroġ xi permess kontroversjali tal-bini jew xi liċenzja iebsa tal-logħob tal-ażżard. U lil oħrajn setgħu jipperswaduhom biex ma jaqilgħux problemi. It-tixħim ta’ dawn in-nies iġorr miegħu rati differenti ta’ ħlas.
Għaldaqstant, wara Ottubru 2018 meta sirna nafu min hu s-sid tas-17 Black, kull politiku li baqa’ viċin Yorgen Fenech għamel dan minkejja l-fatt li kien jaf li dan kien qed ixaħħam lill-politiċi. Mhux importanti x’kwalità ta’ relazzjoni kien hemm. L-importanti hu li lil Yorgen Fenech dawn il-politiċi baqgħu ma skartawħx.
Iżda, skont Robert Abela, ma jkun ġara’ xejn jekk politiku jibqa’ f’kuntatt ma’ negozjant li hu magħruf li jxaħħam lill-politiċi. Tgħid għandu din il-fehma għaliex x’aktarx hekk kien jagħmel huwa stess?
X’aktarx li hekk hu.