M’hemmx dubju li ċ-ċaħdiet ta’ Adrian Delia huma kategoriċi. Huwa seħaq li ma kellu ebda kuntatt ma’ Yorgen Fenech wara li f’Ottubru 2018 kienet ixxandret l-istorja li Fenech huwa sid is-17 Black, il-kumpannija li nħolqot biex jixxaħħmu Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Huwa qal ukoll li jista’ jagħti l-każ li Yorgen Fenech seta’ bgħatlu messaġġ – li hu qatt ma ra – biex isellimlu fuq il- Messenger account tiegħu. Iżda Adrian Delia ma’ joperax il-Messenger huwa stess u għaldaqstant messaġġ bħal dan ma jkunx rah u konsegwentement ma jkunx wieġbu.

It-titlu tal-artiklu tat-Times of Malta jgħid li ma kien hemm ebda kuntatt “ta’ rilevanza”. In-nuqqas ta’ kuntatt jista’ jitkejjel b’mod oġġettiv. Dan bħal meta mara tgħid li ttaqqlet: jew hi tqila jew mhix. Jew għamilt kuntatt jew m’għamilt ebda kuntatt.

It-tifsira tar-rilevanza hi ftit aktar kumplessa għaliex dak li hu rilevanti għal Tizju jista’ ma jkunx rilevanti għal Sempronju.

Rilevanza għal xiex? Politiku onest għaliex għandu jkollu konversazzjoni “irrelevanti” ma xi ħadd li nqabad ixaħħam lill-ministri? Ma nafx. Kunsidrata rilevanti konversazzjoni dwar liema hu l-aktar ristorant favorit? Kunsidrata rilevanti konversazzjoni dwar it-tisjir? Diskursati bħal dawn jistgħu jfissru li teżisti relazzjoni ta’ ħbiberija, iżda Adrian Delia kien ukoll kategoriku meta stqarr li ma kien hemm ebda forma ta’ ħbiberija – ebda relazzjoni – bejnu u bejn Yorgen Fenech.

Fil-frattemp il-bieraħ Paul Caruana Galizia xandar dan it-tweet:

M’għandniex xi ngħidu, tqanqlet ħafna kurżità dwar ir-relazzjoni intima li Yorgen Fenech suppost kellu fl-2019 ma’ “segretarju parlamentari”. Wieħed jassumi li din ir-relazzjoni intima seħħet ma’ mara u, ġaladarba din tista’ tkun biss waħda minn żewġ persuni, dak li seħħ aktar tard wieħed ma jistax isejjaħlu spekulazzjoni.

Paul Caruana Galizia rrifera wkoll għal ministru li kien f’kuntatt kontinwu (ta’ natura platonika) ma’ Yorgen Fenech (wara li Malta kienet saret taf bir-rwol li kellu fl-assassinju ta’ Daphne.

Relazzjoni intima ma’ xi ħadd li huwa suspettat li wettaq assassinju għandha tissejjaħ bħala “kuntatt rilevanti”? Kuntatt kontinwu huwa “kuntatt rilevanti”?

Hu x’inhu, ġejjin minn fejn ġejjin dawn l-istejjer u nstab x’instab meta saret tfittxija fuq Yorgen Fenech, kollox jindika li nżergħet iż-żerriegħa tat-tiġrif tas-sistema politika kif nafuha. Din m’hi xejn ħlief kaxxa ta’ Pandora li għal żmien twil inżammu taħt l-għatu tagħha ċerti sigrieti, intriċċi u ħmieġ li għad jiskantana.

Dan is-sajf ser ikun wieħed jaħraq.