Il-Ministeru tal-Ekonomija għadu kemm kiteb ittra lid-69 pilota tal-Air Malta li kienu tkeċċew xi ġimgħat ilu u nfurmahom li l-gvern bi ħsiebu jonora l-wiegħda li kien għamlilhom l-eks Ministru Konrad Mizzi li, jekk xi darba dawn jitkeċċew, il-gvern kien ser ikompli jħallashom il-paga li kienu jgawdu bħala piloti.

Il-piloti mkeċċija tal-Air Malta kienu jaqbdu pagi ta’ bejn 50,000 u 140,000 euro fis-sena – pagi li nħolqu biex ikunu kompetittivi paragunati mal-pagi li joffru linji tal-ajru oħrajn li hawn fis-suq tal-avjazzjoni. Madankollu l-ħiliet speċjali u l-kwalifiki li għandhom dawn l-eks piloti tal-Air Malta m’humiex ser jintużaw. Dawn l-eks piloti mistennija li jitqassmu f’diversi oqsma tal-amministrazzjoni pubblika Maltija.

Saħansitra anki l-ogħla impjegati fis-servizz ċivili jaqilgħu inqas minn dak li jitħallsu l-piloti li huma mħallsa l-anqas. Is-segretarju permanenti prinċipali – l-ogħla impjegat tas-servizz ċivili f’Malta – għandu salarju (qabel il-ħlas ta’ taxxa) ta’ ftit aktar minn €46,000 fis-sena. L-eks piloti, li issa ser jiddaħħlu jaħdmu mal-gvern, ser jitħallsu aktar minnu u ser jingħataw kuntratt fiss li jintemm fi tmiem l-2022. Il-gvern ma qalx ser jiġri meta jiskadi ż-żmien tal-kuntratt fiss.

Skont il-ftehim li kien ġie ffirmat f’Jannar 2018 bejn dak li kien il-Ministru tat-Turiżmu u r-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-piloti, l-piloti tal-Air Malta kienu ngħataw garanzija li jibqgħu jingħataw l-istess paga anki jekk uħud minn dawn kien ikollhom jitkeċċew.

F’Ġunju li għadda tkeċċew 69 pilota u dan wara li t-taħditiet bejn l-Air Malta u l-piloti – li fihom ġie propost tnaqqis drastiku fis-salarji tal-piloti minħabba l-imxijja Covid-19 – ma wasslu għal ebda ftehim. L-Air Malta kienet offriet li tħallas lill-piloti tagħha “paga soċjali” ta’ madwar €1200 fix-xahar. Iżda l-piloti ma qablux ma’ din il-proposta.

Il-piloti fakkru lill-gvern bil-wiegħda li kien għamel Konrad Mizzi fis-sens li dawk il-piloti li jitilfu l-impjieg tagħhom mal-Air Malta minħabba ż-żminijiet diffiċli li tkun għaddejja minnhom il-kumpannija, jitħallsu s-salarji tagħhom mill-gvern.

Fl-ittra li bgħat lill-piloti mkeċċija, l-gvern ma qalx xi kwalità ta’ xogħol ser jingħataw minkejja l-paga konsiderevoli li ser ikollhom.

l