Lawrence Cutajar reġa’ xehed dalgħodu quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Illum ġie mfakkar dwar il-kunflitt ta’ interess ċar li kellu dak li kien id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta bħala investigatur ewlieni minħabba l-konnessjoni familjari li għandu ma’ ministru tal-kabinett tal-gvern ta’ Joseph Muscat. Lawrence Cutajar ġie mfakkar li l-familjari ta’ Daphne jkellhom jirrikorru għall-Qorti fuq medda ta’ diversi xhur biex Silvio Valletta jiġi ordnat iwarrab mill-investigazzjoni. Kienu żewġ qrati li kkonfermaw li d-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia kienu nkisru minħabba l-persistenza tal-eks Kummissarju li ma jwarrabx lil Valletta.

U kif għamel f’okkażjoni oħra fil-qorti quddiem l-inkjesta, Lawrence Cutajar naqas li jerfa’ r-responsabbiltà. Għaliex, wara kollox, għandu jkollna l-iċken suspett li hu kellu xi sehem fid-deċiżjoni li jinżamm Silvio Valletta biex imexxi nvestigazzjoni kriminali? Dejjem tort ta’ ħaddieħor, mhux hekk?

Qalilna li kien ingħata “parir” biex ma jwarrabx lil Silvio Valletta mill-investigazzjoni u biex ikompli jirreżisti t-talbiet tal-familja Caruana Galizia fil-qorti. Skont Lawrence Cutajar, dan il-parir kien ingħata minn Victoria Buttigieg. U x’parir dak!

Il-bieraħ Victoria Buttigieg inħatret bħala Avukat Ġenerali u bħala Prosekutur Ewlieni. Għandi għalxiex nifhem li x-xhieda ta’ Cutajar qed issegwiha mill-iskrivanija l-ġdida tagħha fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Magħmudija tan-nar unika bħal din għad irridu naraw bħalha.