Mhux bi ħsiebni nieħodha kontra Yorgen Fenech talli  jibqa’ jiddikjara li hu innoċenti. Kont niskanta li kieku ma jibqax jagħmel hekk. Dak li smajna mit-tapes li kien irrekordja l-kompliċi tiegħu Melvyn Theuma ma jħassar xejn mill-attitudni tiegħu li, sforz il-kilba għall-flus, kollox huwa ġustifikat saħansitra anke jekk il-prezz jissarraf f’ikla ta’ għomor il-ħabs.

M’għandna qatt inħalltu dikjarazzjoni ta’ innoċenza mal-preżunzjoni tal-innoċenza. Il-preżunzjoni legali tal-innoċenza ma tfissirx li kulħadd huwa obbligat iqisu bħala bniedem innoċenti. Iżda tfisser li għandu dritt li jgħaddi minn proċess legali fil-qorti li fih, b’deċiżjoni li tkun imsejsa fuq provi li jkunu nġiebu, jkun irid jiġi deċiż huwiex ħati jew innoċenti. Huwa dmir il-prosekuzzjoni li tipprova li hu ħati u m’huwiex id-dmir tiegħu li jipprova li hu innoċenti.

Milli jidher l-avukati ta’ Yorgen Fenech, li għamlu lment fil-qorti li ġie rappurtat fil-ġurnali llum, jippretendu li mhux biss għandna nqisuh bħala bniedem innoċenti iżda li għandna naċċettaw ukoll li hu fil-fatt innoċenti. Yorgen Fenech irrabja li Matthew Caruana Galizia, iben il-vittma, kiteb li huwa sejjes il-konklużjonijiet tiegħu dwaru (jiġifieri dwar Yorgen Fenech) fuq dak li ra u fuq dak li sema’. Yorgen Fenech ilmenta li l-avukat ta’ Matthew Caruana Galizia, Jason Azzopardi, għamel tiegħu kitba fil-Facebook tal-klijent tiegħu li permezz tagħha rabat il-provi li nstemgħu fil-qorti mal-assassinju ta’ ommu u mar-rwol ta’ Yorgen Fenech f’dan kollu.

Hu appuntu minħabba l-kunċett tal-preżunzjoni tal-innoċenza li Yorgen Fenech mhux ser jiekol ikla ħabs għal għomru minħabba dak biss li smajna s’issa. Fenech għandu dritt li jgħaddi ġuri iżda la hu u lanqas l-avukati tiegħu m’huma ser iwaqqfuna milli niġbdu l-konklużjonijiet tagħna.

Ta’ min isemmi li Yorgen Fenech mhux dejjem jippreżumi l-innoċenza tiegħu għaliex issa ilu żmien mhux ħażin jokrob biex jingħata maħfra presidenzjali li ma jistax ħlief ifisser li għandu ħafna x’jikxef jekk jinħafrulu dnubietu. Għalkemm dan il-fatt ma jfisser xejn f’ġuri, ħadd ma jista’ jinżamm milli jiġbed konklużjoni bħal din. U ma jfissirx li nkunu qed nippreżumu l-innoċenza tiegħu meta hu jew xi bħaħan bħal Christian Grima u Simon Mercieca li jitkellmu għalih, jappellaw biex jingħata l-proklama u l-immunità.

Yorgen Fenech għandu kull dritt li jqis lilu nnifsu innoċenti fil-qorti. B’daqshekk ma jfissirx li għandna naqblu li hu innoċenti.