Il-bieraħ tal-Malta Today xandru rapport fis-sens li s-Segretarju tad-Difiża Amerikan mistenni li jżur Malta sabiex jipperswadi lill-gvern Malti jiffirma ‘status of forces agreement’, magħruf bħala SOFA. Din il-kwistjoni kienet tqajjmet ukoll fl-imgħoddi. Il-gvern tal-Istati Uniti xejn ma jieħu pjaċir meta uffiċjali li jilbsu xi uniformi tal-pajjiż jitressqu l-qorti f’xi pajjiż ieħor.
Nieħdu eżempju. Baħrin fuq vapur Amerikan li jkun daħal fil-port jiskru waqt li jkunu f’ħanut. Tnejn mill-baħrin jiġu arrestati mill-Pulizija Maltija wara ġlieda li jkunu ħadu sehem fiha f’Paceville jew wara li mara tkun għamlet rapport li uffiċjali Amerikan tal-militar tawha fastidju.
Dan ma jfissirx li l-Amerikani ma jkunux iridu lin-nies tal-militar tagħhom jiġu dixxiplinati u kkastigati meta dawn iġibu ruħħom ħażin. Ifisser iżda li l-kastig ikunu jridu jagħtuh huma stess.
L-Amerikani ilhom żmien twil jagħmlu pressjoni fuq Malta biex tiffirma l-ftehim SOFA sabiex sitwazzjonijiet simili għal dawk li tajt eżempju dwarhom ma jseħħux. Iżda f’Malta l-ambigwità fejn tidħol il-ġurisdizzjoni fuq persuni tal-militar ta’ pajjiż ieħor teħodna lura għal żmien il-kolonjaliżmu. Gvernijiet Maltin qatt ma setgħu jġerrħu sitwazzjoni li fiha persuni jweġġgħu f’Malta jew issir ħsara lill-proprjetà tagħhom u ma jkunux jistgħu jfittxu rimedju f’qorti Maltija għar-raġuni li ġudizzju dwar atti kriminali bħal dawn li jseħħu f’Malta jsir minn imħallef tal-militar barrani.
Din hi kwistjoni li tal-Partit Laburista minn dejjem urew żelu kbir dwarha. Meta f’Novembru 2011, wara li tal-Wikileaks kienu xandru e-mails interni tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan li permezz tagħhom ġie żvelat li kienu seħħew diskussjonijiet bejn l-Ambaxxata Amerikana u l-gvern Malti, tal-Partit Laburista għal ftit ma tahomx tal-qamar għax kienu ħasbu li l-gvern Nazzjonalista kien aċċetta li jiffirma l-ftehim SOFA mal-Amerikani.
Il-kwistjoni aktar tard tqajjmet fil-Parlament minn dak li kien il-ministru dell tal-affarijiet barranin, illum President, George Vella. Huwa kien ikkwota minn noti dwar laqgħa li kienet saret fl-Ambaxxata Amerikana ma’ uffiċjal tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan li ma kienx kategoriku dwar l-esklużjoni tal-ftehim SOFA. Iżda l-ministru tal-affarijiet barranin ta’ dak iż-żmien Tonio Borg kien għamilha ċara li l-gvern ma kienx qed jikkunsidra li jirrinunzja għall-ġurisdizzjoni kriminali tal-qrati Maltin.
George Vella ma kienx kuntent. U f’Ġunju 2012 għal darb’oħra reġa’ qajjem il-kwistjoni fix-show trial ta’ Richard Cachia Caruana li kien inxela’ mill-Partit Laburista bil-għajnuna tal-aġent tiegħu Jeffrey Pullicino Orlando. Huwa xela’ lil Tonio Borg li kien ftiehem mal-Amerikani minn wara dahar il-Parlament u li kien wiegħed lill-Amerikani li l-gvern kien bi ħsiebu jiffirma l-ftehim SOFA minkejja l-fehma tal-oppożizzjoni li Malta m’għandhiex tidħol għal dan l-impenn.
George Vella kien ħallat flimkien il-ftehim SOFA (li jittratta dwar it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ mġieba ta’ natura kriminali ta’ membri tal-forzi Amerikani waqt li jkunu f’Malta) ma’ ftehim oħrajn dwar bdil ta’ informazzjoni dwar sigurtà bejn iż-żewġ pajjiżi. Tonio Borg kien għamel ħiltu biex jispjega, iżda George Vella ma riedx jaf.
U Malta, sal-lum baqgħet qatt ma ffirmat il-ftehim SOFA mal-Istati Uniti.
Jekk huwa minnu r-rapport li xandru tal-Malta Today, jidher li Malta qed tikkunsidra li ċċedi lill-Amerikani dwar din il-kwistjoni u dan dment li l-pajjiż ma jitqiegħedx fil-lista l-griża tal-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Tal-Partit Laburista kienu minn dejjem b’seba’ għajnejn biex jiżguraw li l-pajjiż iżomm ‘il bogħod mill-attivitajiet militari ta’ pajjiżi oħrajn, partikolarment tal-Istati Uniti. U dwar in-NATO kellhom ossessjoni partikolari.
Kien itihom tal-qamar kull darba xi ħadd kien anki jissuġġerixxi li jmorru lura minn xi prinċipju ta’ Jum il-Ħelsien.
Iżda, jidher ċar li bil-flus tasal biex tagħmel triq fil-baħar.