Dak li stqarr Louis Grech dalgħodu quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qajla jagħmel sens. Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li ġie kwotat li qal fil-qorti mill-Malta Today:

“Mistoqsi dwar il-Panama Papers li nkixfu fl-2016, Grech qal li dawn ma kienux “aċċettabbli” għall-gvern li kien tant għamel ġid sa dakinhar.

“Is-sitwazzjoni ma kienitx aċċettabbli. Dakinhar il-pożizzjoni tiegħi kienet waħda ċara. Kont tkellimt fil-Parlament… u kont stqarrejt li kellha tittieħed azzjoni… Iva, ma kienitx sitwazzjoni aċċettabbli. Konrad Mizzi u Keith Schembri ħolqu problemi kbar ħafna. Kont kellimt lil Mizzi u dan kien qalli li kien għamel ħaġa li hi etikament skorretta iżda li m’hix legalment skorretta” qal Grech lill-bord tal-inkjesta.

L-eks deputat prim ministru stqarr ukoll li kien “indispost” dakinhar li ġie diskuss il-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi fil-Parlament fl-2016.

Grech ammetta li huwa ma kienx ikkonfronta lil Muscat u qatt ma staqsieh il-għala baqa’ jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja l-isem ħażin li kienet qed tingħata Malta minħabba fihom.

Louis Grech qed igħid li qatt ma kien tkellem ma’ Joseph Muscat dwar il-Panama Papers u li kien iddiskuta dan is-suġġett ma’ Konrad Mizzi biex igħidlu li kien għamel pass ħażin.

Madankollu meta fis-7 ta’ April 2016 Konrad Mizzi għamel dan id-diskors, Louis Grech kien qam bil-wieqfa kemm il-darba biex iċapċaplu. Araw il-parti tal-filmat f’05:45, ftit qabel dik il-famuża ħarsa li taw lil xulxin Joseph Muscat u Louis Grech.

Konrad Mizzi jidher jistqarr dan li ġej:

“Jiddispjaċini għall-Prim Ministru għax tant għandu kudos, tant jaħdem and he deserves to be right. Nirringrazzjahom talli kienu sounding board throughout u lil Louis b’mod partikolari li nitkellmu kuljum dwar dan kollu.”

Louis Grech kien ċapċap u wera’ l-approvazzjoni tiegħu dakinhar li Konrad Mizzi lissen dan id-diskors. U dan huwa l-oppost tal-istampa li Louis Grech ipprova jpinġi llum. Dan ma jistax ħlief ifisser li Louis Grech kien fl-istess kamra għal diversi ġranet ma’ Joseph Muscat u ma’ Konrad Mizzi, jħarreġ lil Konrad Mizzi, u jiggwidahom dwar liema linja għandha tittieħed biex tiġi mgħottija l-korruzzjoni li kellha tispiċċa biex toqtol lil Daphne Caruana Galizia.

Jekk Louis Grech llum ma kienx qed jigdeb, x’kienet allura r-raġuni l-għala lil Konrad Mizzi ma kienx ikkonfrontah meta fl-2016 suppost kien id-“daily sounding board” għall-istess Mizzi?