Dak li stqarr il-Prim Ministru l-bieraħ dwar l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne fis-sens li din l-inkjesta hi “esperiment” li jidher li ma rnexxiex jindika li d-deċiżjoni li ħa xi ġimgħat ilu li jagħti lill-bord tal-inkjesta sal-15 ta’ Diċembru li ġej biex itemm il-proċess kienet waħda meħuda apposta biex toħnoqha.
Tindika wkoll li din id-deċiżjoni ħadha għaliex m’huwiex kuntent b’dak kollu li qed jirriżulta mill-inkjesta. Skont il-Prim Ministru, l-bord tal-inkjesta qed jaqbeż il-limiti tat-termini ta’ riferenza tiegħu u għaldaqstant għandu jwaqqaf ix-xogħol tiegħu.
Raġunar bħal dan m’huwiex aċċettabbli u jeħtieġ li jkollu tweġiba pubblika xierqa. U peress li jidher li ser jibqa’ jwebbes rasu, jeħtieġ li nilqgħulu. Dan huwa attakk fuq l-uniku proċess li bis-saħħa tiegħu qed toħroġ verità li tista’ sservi ta’ duwa għal dan il-pajjiż u għaldaqstant ma nistgħux ma nirreżistux kull attentat biex jinħanaq.
Robert Abela jidher li qed jagħmel l-arja għaliex, bil-maqlub għal dak li kellu jara ma’ wiċċu ta’ qablu, kemm ilu fil-ħatra għadu ma rax in-nies jipprotestaw fit-toroq. U dan il-fatt bħal donnu serraħlu rasu li jista’ liberament joħnoq kull attentat biex toħroġ il-verità għaliex il-proċess li jinsab għaddej qed idejjaq lilu u lill-partit tiegħu.
M’hemmx fejn wieħed jitfixkel. Ir-riżenji ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u Chris Cardona mill-karigi għoljin li kellhom fil-Partit Laburista ma jistgħu qatt iħassru t-tebgħa li hemm fuq l-istess Partit. Il-Partit ma jikkonsistix biss f’dawn l-erba’ eks uffiċjali.
Dawn qatt ma setgħu jiggvernaw mingħajr l-appoġġ, il-koperazzjoni, l-kollużjoni u n-newtralità mplikata tal-Partit Laburista kollu kemm hu: il-membri parlamentari kollha, l-uffiċjali, l-impjegati, l-propagandisti, d-delegati, l-galoppini u l-votanti.
Flimkien dawn jiffurmaw il-kotra tal-pajjiż iżda b’daqshekk ma jfissirx li għamlu dak li hu sewwa. Dawn ippermettew ‘kabinett tal-kċina’ li jaħkem fuq l-istituzzjonijiet tal-istat, li jxejjen għal kollox il-ħila tal-aġenziji tal-infurzar li jeqirdu l-kriminalità finanzjarja u l-korruzzjoni u li fetħu l-bibien beraħ biex pajjiżna jintuża għall-ħasil ta’ flejjes maħmuġin minn dittaturi u mill-kapijiet tal-mafja. Għamlu dan kollu sforz il-lublieba li kellhom li “jkunu fil-gvern”, meta fil-fatt ma kienu fil-gvern xejn. Minn dak li ntqal, lanqas il-Ministru tal-Finanzi ma kien fil-gvern u ma kien jiswa’ għal xejn, għaliex id-deċiżjonijiet li jgħoddu kienu jittieħdu f’kabinett tal-kċina li minnu hu kien tħalla barra.
Dan kollu seħħ bil-barka tal-Partit Laburista u ma tistax isseħħ il-ġustizzja qabel il-pajjiż jagħraf din ir-realtà kerha. Jekk fl-elezzjoni li ġejja, jerġa’ jirbaħ il-Partit Laburista, l-poplu Malti jkun ta amnestija lill-istess partit. U lill-membri parlamentari, lill-ministri u lill-prim ministri jkun qed jgħaddilhom messaġġ li ma jkun ġara’ xejn jekk jitħammġu bil-korruzzjoni, jekk jissieħbu mal-kriminali u jekk jixxaħħmu min-negozjanti. Anki jekk jippermettu l-qtil tan-nies biex jitgħattew ix-xtur tagħhom u jirranġaw biex il-qattiela jgħadduha lixxa.
Amnestija politika bħal din twassal biex dan il-pajjiż ma jibqgħalux traċċa ta’ moralità fil-ħajja pubblika. Twassal ukoll biex is-segwaċi ta’ Joseph Muscat jingħataw il-premju li ġġieldu għalih meta komplew jappoġġjaw lil ċorma kriminali biex din setgħet tibqa’ fis-setgħa. Dawn riedu li jirbħu, li jeżiġu, li jxejjru l-bandiera u jdoqqu l-ħornijiet fit-toroq. Sa hawn biss kellha l-ħila li twassalhom l-immaġinazzjoni tagħhom.
U jidher li minn din it-triq iridu jerġgħu jgħaddu. U l-inċentiv li jappoġġjaw lill-kriminali, għaliex il-kriminali jirbħu, hi d-droga li ser tara li l-pajjiż jibqa’ ma jqumx minn dan il-ħmar il-lejl.
Jeħtieġ li l-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni li ġejja. U jitlifha jekk ikun hemm biżżejjed minn dawk li vvutawlu fl-2017 jew li s-soltu jivvutawlu, li ma jivvutawlux fl-elezzjoni li jmiss. Il-Partit Laburista jista’ jitlef l-elezzjoni li jmiss jekk jitlef il-maġġoranza li għandu.
Araw ftit il-paradoss. Il-popolarità ma tgħoddx meta niġu biex niġġudikaw dak li hu sewwa u dak li m’huwiex: dan il-punt konna sħaqna fuqu meta, bħala minoranza, għamilna kampanja sħiħa minkejja li għall-bidu konna ngħoddu l-waħdiet u kienu jgħajjruna, jirredikolawna u jinjorawna. Iżda l-folol bdew jiżdiedu u l-minoranza bdiet toktor fil-ġlieda favur is-sewwa. U kellhom jagħtuna widen u kellhom ukoll jinnegozjaw il-ħajja politika u l-immunità personali tagħhom ma’ dik il-folla rrabjata b’riżenja ‘l hawn u tkeċċija mill-partit l’hinn.
Bis-saħħa tal-imxijja, dawn ir-riżenji kienu wasslu għas-skiet fit-toroq.
Iżda l-verità baqgħet tidwi mill-awla fejn qed issir l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne. Din m’hix l-istess awla fejn qed tinstema’ x-xhieda fil-każ li hemm kontra Yorgen Fenech. Dan il-proċess kriminali qed iqarribna lejn il-verità dwar il-motivazzjonijiet wara l-qtil ta’ Daphne u dwar minn min twettaq. Iżda bis-saħħa tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne bosta huma dawk li qed jintebħu li pajjiżna sar stat tal-mafja grazzi għall-appoġġ u l-entużjażmu tal-Partit Laburista kollu kemm hu.
M’hemmx dubju li s’issa l-inkjesta għadha ma daħlitx fil-fond u għad irridu nsiru nafu bi stejjer oħra li jkexkxu. Jeħtieġ li jsir aktar xogħol ta’ tħammil iżda lil tal-bord tal-inkjesta Robert Abela ma jridhomx ikomplu jħaffru għax jaf x’hemm mistur hemm taħt. Għaliex jeħtieġ nifhmu li hu kien ukoll ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-mafja mmexxija minn Joseph Muscat. U hekk għadu qed jagħmel. Għaliex, wara kollox, mhux lill-interessi tal-mafja jkun qed jaqdi jekk jibqa’ jinsisti li joħnoq ix-xogħol tal-inkjesta?
Fuq kollox, Robert Abela għandu biża’ minn ħaġa waħda. Sena ilu, l-biċċa l-kbira ta’ dawk li pprotestaw, irnexxielhom iniżżlu lil ta’ qablu mis-setgħa. U, dak iż-żmien, dawk li pprotestaw kienu jafu biss biċċa żgħira mill-verità u din kienet biżżejjed biex seta’ jintradam l-Invictus.
Il-verità li qed toħroġ mill-inkjesta tista’ ttellef il-maġġoranza lill-Partit Laburista. In-nies għandha s-setgħa li ġġiegħel lill-Partit Laburista jħallas għall-ħsara li għamel lil pajjiżna. Għandha s-setgħa li lill-Partit Laburista tgħidlu li m’hix bi ħsiebha tkompli taċċetta l-iskużi tiegħu meta jipprova jwaħħal it-tort għall-ħsara li wettaq fuq is-sħaħar, it-tradituri, n-Nazzjonalisti ta’ Simon Busuttil, l-immigranti u ma nafx kemm iħirsa.
Jidher li Robert Abela huwa nkwetat li tispiċċa li ssir ġustizzja f’livell politiku. U ma jistax ikun hemm ġustizzja jekk lill-Partit Laburista l-poplu Malti ma jgħidlux li gvern li joqtol lin-nies tiegħu biex ikun jista’ jisraqhom ma jistax jirbaħ elezzjoni fejn id-demokrazija taħdem kif suppost.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-inkjesta qed tagħmel din il-mistoqsija: d-demokrazija f’Malta qed taħdem kif suppost?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija nafuha diġà.
Bis-saħħa tat-tlaqlieq.
Bis-saħħa tal-iskużi fjakki u patetiċi.
Bis-saħħa tat-tfarfir tar-responsabbiltà fuq ħaddieħor.
Bis-saħħa tad-dikjarazzjonijiet ta’ innoċenza.
Bis-saħħa tas-serviliżmu ta’ wħud mix-xhieda fl-inkjesta.
U bis-saħħa tal-wiċċ sfiq ta’ Robert Abela li, b’ardir liema bħalu, jrid itemm lill-inkjesta qabel żmienha.