Chris Fearne illum stqarr li Joseph Muscat – dak iż-żmien prim ministru – kien qallu li hu biss kellu d-dritt jiddeċiedi dwar il-futur ta’ Keith Schembri. U mhux il-kabinett jew il-grupp parlamentari. Hu biss.

Chris Fearne tkellem bħallikeku dak li qallu Muscat kien aċċettah u bħallikieku l-lezzjoni kien tgħallimha: qal li l-kariga ta’ chief of staff għandha titneħħa. Tkellem bħallikieku l-kwistjoni għandha x’taqsam mar-rwol. Chris Fearne qal li Lawrence Gonzi wkoll kellu l-problemi biċ-chief of staff tiegħu.

X’inhu, Chris?

Lawrence Gonzi qatt ma kellu chief of staff. Kellu kap tas-segretarjat fl-uffiċċju tal-prim ministru. Jekk qed nirreferu għall-istess persuna, mhux aħjar jekk Chris Fearne jelabora ftit fuq dak li stqarr? B’liema kumpannija sigrieta kien inqabad Edgar Galea Curmi? Min kien intrabat li jħallsu $5,000 kuljum? Liema konġura kriminali ta’ qtil kien implikat fiha u b’liema mod ipprova jgħatti xturu?

M’hemm ebda kariga li ġġiegħlek tkun korrott, li taħsel flejjes maħmuġin u li tinvolvik fi qtil li tipprova taħbi. L-għażla ssir minn min ikun jokkupa l-kariga u jkun l-individwu responsabbli għall-għażliet li jagħmel.

Joseph Muscat qallu li jiddeċiedi hu biss kellux jitkeċċa jew le Keith Schembri. Dan huwa minnu iżda fir-realtà dejjem ikun hemm ħaddieħor imdaħħal fil-kredu, mhux hekk?

Mir-Rivoluzzjoni Franċiża ‘l hawn, drajna naħsbu li m’għandniex  naċċettaw l-eżistenza ta’ xi dritt divin tal-awtoritajiet li jmexxu mingħajr kontroll ta’ xejn.

Lil Joseph Muscat, Chris Fearne seta’ wieġbu li għalkemm huwa veru li hu biss jista’ jkeċċi lin-nies li jaqgħu taħtu, l-kabinett, il-grupp parlamentari u l-Partit Laburista flimkien għandhom is-setgħa li jkeċċu lilu.

Meta Joseph Muscat iddeċieda waħdu li jżomm lil Keith Schembri f’postu, refa’ fuq spallejh ir-responsabbiltà għad-delitti u għan-nuqqasijiet ta’ sieħbu. Meta naqas li jkeċċieh, refa’ r-responsabbiltà għal dak li kien għamel Keith Schembri.

Iżda l-bużillis qiegħed hawn, Sur Deputat Prim Ministru. Meta nqastu li tkeċċu lil Joseph Muscat, erfajtu fuq spallejkom ir-responsabbiltà tal-imġieba tiegħu u tan-nuqqas tiegħu li jieħu azzjoni. Ġaladarba għażiltu li żżommuh, għamiltu tagħkom in-nuqqasijiet tiegħu.

Ir-riżenja ta’ Joseph Muscat waslet tard wisq. Tard wisq għaliex, b’riżultat ta’ dan, Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata. Spiċċa warrab sentejn wara. U dan ma kienx jammonta għal irfiegħ ta’ responsabbiltà. Joseph Muscat qatt m’ammetta li kien għamel xi ħaġa ħażina u lagħabha tal-martri u tal-ħaruf tas-sagrifiċċju. Ma kienx warrab minħabba xi forma ta’ ndiema u l-awtorità li kellu ġġarrfet taħt pressjoni enormi li ma setgħax ikompli jirreżistiha. Tkeċċa mhux għax keċċewh Chris Fearne jew dawk li kien messhom keċċewh fi Frar 2016.

Chris Fearne u sħabu tal-kabinett – l-istess persuni li ma kienux keċċew lil Joseph Muscat wara li żamm f’postu lil Keith Schembri hekk kif ixxandru l-Panama Papers – għad iridu jerfgħu r-responsabbiltà politika. Għad iridu jħallsu l-prezz politiku ta’ sehemhom fl-impunità li huma ggarantew lill-qattiela ta’ Daphne u lill-kriminali li ffirmaw il-kuntratti li Chris Fearne, Edward Scicluna u Evarist Bartolo jgħidu li ma kellhomx x’jaqsmu magħhom: jiġifieri l-Vitals, l-Electrogas eċċetra.

M’għandniex xi ngħidu, lkoll kellhom x’jaqsmu ma’ dawn il-kuntratti u dan minkejja l-krib tagħhom li huma innoċenti. Kienu ppermettew l-iffirmar ta’ dawn il-kuntratti minkejja x-xogħol li kienu wettqu Daphne (u oħrajn) biex jinkixef il-qerq li kien fihom.

Meta qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 konna pprotestajna fit-toroq, Chris Fearne ma kienx ingħaqad magħna biex jitlob għat-tkeċċija ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi. Baqa’ spalla ma’ spalla ma’ Joseph Muscat, assigura li jerġa’ jiġi elett Konrad Mizzi u li Keith Schembri jerġa’ jingħata l-ħatra li kellu. Mingħand Chris Fearne għadna sal-lum qatt ma smajna kelma waħda ta’ ndiema.

Chris Fearne ried li jindifnu l-istejjer li minħabba fihom kienet inqatlet Daphne u dan sabiex il-kuntratti tal-Vitals, tal-Electrogas eċċetra – li issa qed isejjħilhom ħżiena – ikunu jistgħu ikomplu u fl-istess waqt jara li l-partit tiegħu jibqa’ jżomm is-setgħa.

Qatt ma ħabbel rasu dwar jekk dak li kien qed iseħħ kienx mis-sewwa jew le. U hekk baqa’ sal-lum.

Madankollu r-responsabbiltà politika jeħtieġ li tintrefa’. Jekk ma tintrefgħax, dan il-pajjiż ikun qed ibierek lill-politiċi li jixxaħħmu jew li jgħattu d-delitti ta’ qtil huma u jitolbu l-vot għal darb’oħra mingħand in-nies.

Hemm tweġiba waħda għal dan kollu.

Dawk li għandhom għal qalbhom id-destin ta’ pajjiżna m’għandhomx jerġgħu jivvutawlhom.