Ma stajtx ma nkunx preżenti biex b’għajnejja nara lil Konrad Mizzi, hu u jiġi mistoqsi sensiela ta’ mistoqsijiet li ilu jiżloq milli jweġibhom għal 7 snin, jirrepeti l-kliem “ma nweġibx” għal mitt darba. Għandu jkun jaf li għaż-żmien li fadallu f’din id-dinja – fil-ħabs jew barra l-ħabs, fir- rokna fejn xeħtuh fis-sala tal-Parlament jew fil-post bi ħsiebu jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu – ser jibqa’ jiġi mistoqsi dwar l-Electrogas, il-Vitals, Hearnville, Rotorua, 17 Black, Macbridge, eċċetra.
U ser jibqa’ jwieġeb bil-kliem “ma nweġibx”.
Illum in-nies kompliet iżżid ir-rabja tagħha għall-fatt Konrad Mizzi ħareġ mill-awla tal-qorti qisu mhux hu. In-nies tippretendi li l-liġijiet għandhom igħoddu għal kulħadd mingħajr distinzjoni u mhix ser iġġerraħ l-inġustizzja li tarah igħaddiha lixxa – għalissa. Iżda tistgħu tibqgħu ċerti li, għal xi ħadd bl-istorja u l-personalità ta’ Konrad Mizzi, l-umiljazzjoni diġà hi kastig minnha nnifisha. U llum ġie umiljat bil-kbir.
Il-bieraħ huwa xandar ħsibijietu fil-Facebook u permezz ta’ kitbietu pprova jixħet dawl ikraħ fuq l-inkjesta u xlieha li qed taqdi l-interessi tal-Partit Nazzjonalista. L-Imħallfin xejn ma ħadu pjaċir b’din il-kitba. Għal diversi drabi dawn ripetutament u b’leħen għoli lissnu l-kliem ‘apoloġija’ u ‘disprezz’. Li kieku riedu l-Imħallfin setgħu faċilment sabuħ ħati ta’ disprezz lejn l-awtorità tagħhom. Iżda dehrilhom li kien ikun aktar fl-interess tal-ġustizzja li jistqsuh il-mistoqsijiet li jeħtieġu tweġibiet milli jwaħħluh xi multa jew li jitfgħuh f’xi ċella.
Kien fih x’tara hu u jipprova jiżloq milli jwieġeb il-mistoqsijiet li, b’mod mill-aktar kalm, għamlulu l-Imħallfin li wrew li ma kienux ser jittolleraw iċ-“ċajt”. U xi ngħidu għall-ispettaklu li għamel l-avukat ta’ Konrad Mizzi, l-maġistrat irtirat Carol Peralta, li ra l-gabirjoli legali li għoġbu jagħmel jisfgħu fix-xejn?
Carol Peralta, li ma jistax jingħad li kellu xi karriera legali llustri, lill-inkjesta qalilha li l-klijent tiegħu ma kienx bi ħsiebu jwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu mhux għaliex jibża’ li jista’ jinkrimina ruħu u semma’ dak li sejjaħ bħala d-dritt tal-klijent tiegħu li “ma jikxifx”. L-Imħallfin ma mpressjonaw ruħħom xejn b’dak li qalilhom Peralta u talbuh jikkwota l-liġi. U l-assistent ta’ Carol Peralta dlonk fetaħ il-laptop biex jipprova jfittex liġi li jew ma teżistix jew li fehmu ħażin it-tifsira tagħha.
Lil Konrad Mizzi, l-Imħallfin imbagħad għaddew biex fakkruh fid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket kemm il-darba huwa jħoss li t-tweġibiet tiegħu jistgħu b’xi mod jinkriminawh. Qalulu wkoll li kien ser ikollu jisma’ l-mistoqsijiet li kienu ser isirulu. U ġaladarba rrifjuta li jwieġeb, issa kulħadd għandu l-ħila li jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
L-ewwel mistoqsija li saritlu kienet dwar meta kien u r-raġuni l-għala daħal għall-ħajja politika. Din kienet waħda biss minn fost madwar mitejn mistoqsija li saritlu u li hu rrifjuta li jwieġeb. Dak il-ħin tbissimt meta stqarr li hu jibża’ li jinkrimina ruħu jekk iwieġeb għal din il-mistoqsija għaliex jidher li ħarbitlu l-konklużjoni minn ewl id-dinja li wieħed għandu jiġbed. Il-fatt li wieġeb li jibża’ li jinkrimina ruħu jekk iwieġeb mistoqsija dwar meta u għaliex daħal għal-ħajja politika, minnha nnifisha hi stqarrija li permezz tagħha indirettament ammetta li daħal għall-ħajja pubblika biex ikollu sehem f’konġura kriminali.
Nasal biex naċċetta li x’aktarx ma kienx hu l-moħħ wara din il-konġura kriminali. Iżda naħseb li llum huwa ntebaħ li ġie użat u mormi bħal lumija magħsura.
Illum, bil-wieqfa kif kien fuq il-pedana tax-xhieda, Konrad Mizzi ma kellux dehra ta’ kriminal li qed jipprova jaħrab mill-ġustizzja. Iżda kien qisu sodda mgerfxa b’saqqu mqalleb u bil-friex indendlin mal-art.
Jien kont bil-qiegħda fl-awla qrib il-pedana tax-xhieda u stajt nilmaħ ir-riflessjoni tal-wiċċ abjad siċċ ta’ Konrad Mizzi fuq il-perspex ta’ kontra l-imxijja covid li kellu quddiemu. Kien qisu fatat.
Waqt li kien qed jiġu bumbardjat bil-mistoqsijiet, xi drabi għażel li jiftaħ dirgħajh b’ċertu disprezz, drabi oħra għalaqhom u żammhom ma’ sidru u xi drabi oħra, bis-swaba’ tiegħu imdendlin mal-bank li kellu quddiemu, stħajjiltu qisu ġeru jokrob għall-ħniena.
Deher totalment iffukat fuq il-kliem li kien bi ħsiebu jlissen kull darba li stqarr li ma riedx iwieġeb għal xi mistoqsija. Ngħiduha kif inhi, x’aktarx li min – għal mitt darba – jibqa’ jirrepeti l-kliem “itlob għalina” jispiċċa biex jitlef is-sens tal-mistoqsija li jkun meħtieġ li jwieġeb. Konrad Mizzi ma beda’ qatt. Xi drabi, tant kellu ħeġġa li jirrepeti l-kliem “ma nweġibx”, li lissen din it-“tweġiba” b’mod mekkaniku saħansitra qabel saritlu l-mistoqsija.
U minkejja l-fatt li ftit li xejn tkellem, nixiflu griżmejh u kellu jbillu b’madwar 6 tazzi ilma mgħoddija lilu mill-messaġġiera tal-qorti li jidher li ntebħet li n-nixfa f’griżmejh seħħet sforz il-paniku li kellu fuqu.
Bdejna bi tliet Imħallfin irrabjati u malli Konrad Mizzi lissen il-kliem “ma nweġibx” għall-50 darba, spiċċajna bi tliet Imħallfin imxebbgħin huma u jisimgħu lil eks-Ministru mkeċċi – li sħabu qed iwaħħlu fih għall-ħażin kollu li seħħ – jirrifjuta li jwieġeb saħansitra anki mistoqsijiet li ma setgħux jagħmlulu l-ħsara. Sakemm m’huwiex tant mgħarraq fil-ħama li, jwieġeb x’iwieġeb, jispiċċa l-ħabs.
F’mument minnhom, wieħed mill-Imħallfin staqsieh x’kienet ir-raġuni l-għala kien irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet tal-Awditur Ġenerali dwar l-Electrogas. Anki din il-mistoqsija rrifjuta li jweġibha. Għalkemm faċilment seta’ wieġeb: ‘agħtuni daqqa t’għajn issa. Ma nistax inwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Ninsab imwerwer dwar x’jista’ jsir minni kemm il-darba nagħżel li nwieġeb. U issa ilni mwerwer għal żmien twil.’
Wara li seħħ intervall qasir, Konrad Mizzi għadda minn ħdejja, tagħni ħarsa u staqsieni kif jien. Dak il-ħin, ma nafx kellix pressjoni għolja jew baxxa. Kelli aptit ngħajjat ‘shame on you’ iżda ma ridtx nagħtih skuża biex jikteb fil-Facebook li jien wettaqt xi assassinju fuq il-karattru tiegħu, minkejja l-fatt li karattru m’għandux.
Sinċerament ma ġietnix ħniena minnu.
Ftakru ftit. Qabel daħal fl-awla tal-qorti, huwa kiteb fil-Facebook dwar l-assassinju tal-karattru tiegħu u dwar dawk li jridu jassassinawh. Kiteb il-kelma “assassinju”. Kellu l-wiċċ li jlissen din il-kelma f’inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Inkredibbli. Min jaħseb li Konrad Mizzi huwa xi bozza tal-elf, aħjar jerġa’ jaħsibha sewwa.
Minkejja l-fatt li huwa stqarr li ma riedx iwieġeb mistoqsijiet, insemmi ż-żewġ “stqarrijiet” qosra li huwa ta fil-qorti. Stqarr ukoll li huwa jiddispjaċih li nqatlet Daphne Caruana Galizia għaliex l-assassinju tagħha għamel ħsara lill-ambizzjonijiet ministerjali tiegħu. U mbagħad beda’ jirrepeti diskors bħala membru tat-tmexxija tal-Partit Laburista li ilu jitgħallem bl-amment għal 7 snin u li qatt ma kellu ċ-ċans li jagħmel. Tort ta’ Daphne.
Lil Konrad Mizzi, wieħed mill-Imħallfin talbu biex, fl-interess tiegħu, juri xi forma ta’ sogħba għall-qtil ta’ Daphne. Spjegalu wkoll li nkjesta li qed tgħarbel l-imġieba tal-istat ma tistax tinjora l-fatt li Konrad Mizzi ma kellu xejn x’igħid dwar il-fatt li Daphne nqatlet, ma wera’ ebda sogħba u ma wera’ ebda dieqa.
Konrad wieġeb li dakinhar tal-assassinju hu kien imsiefer u stqarr li l-qtil ixxukkjah iżda li ma jiftakarx fejn kien dakinhar u x’kien qed jagħmel. Uriena kemm mhux veru l-ġrajja kienet stampata f’moħħu. Int tiftakar fejn kont dakinhar li nqatlet Daphne? Għax Konrad Mizzi ma jiftakarx sewwa fejn kien.
U mbagħad beda’ jredden dwar waiting lists qosra, dwar l-istokkjar effiċjenti ta’ mediċini, dwar il-fejqan tal-Air Malta u ħwejjeġ oħra rrilevanti.
Fit-tieni stqarrija qasira li għamel, huwa ċaħad li kellu x’jaqsam mat-tixħim u stqarr li d-deċiżjonijiet ma kienx ħadhom waħdu u li Joseph Muscat kien jaf sewwa x’kien għaddej. Huwa ċaħad ukoll li kien ħa deċiżjonijiet minn wara dahar sħabu tal-kabinett u stqarr li dawn kienu nfurmati b’kollox.
Insomma, lill-eks imgħallem tiegħu ried iwassallu messaġġ minn fuq pedana skomda. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia “għamel ħsara lill-ambizzjonijiet ministerjaili tiegħu”, huwa qal lill-Imħallfin. Iżda qal ma kienx lest li jippermetti li ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia tkun tfisser li jispiċċa jeħel hu għad-dnub ta’ ħaddieħor.
F’ħin minnhom, Jason Azzopardi lil Konrad Mizzi staqsieh jekk jikkunsidrax lilu nnifsu bħala “l-eżekutur fidil” tar-rieda ta’ Joseph Muscat. Lil ħadd ma ħarbitlu l-ironija tat-tifsira tal-kelma “fidil” fil-kuntest tal-ilsien Malti.
Fl-aħħar mill-aħħar din hi d-difiża mhux espressa ta’ Konrad Mizzi. Arawni! Jien baħnan! Ħadd ma jemmen li jien għandi l-ħila li nwettaq il-ħażen għaliex meta jisimgħuni niddefendi r-reputazzjoni tiegħi, ħadd ma jemmen li għandi l-ħila li nagħmel dan.
Jien ma nista’ qatt nasal biex nifhem kif dan il-baħnan wasal biex jilħaq ministru anzjan tal-gvern.
Kif qatt setgħu sħabu jpinġuh bħallikieku hu xi bozza tal-elf?