Il-bieraħ qiegħedna 100 siġġu f’Misraħ Kastilja, poġġejna l-fjuri fuqhom u fakkarna f’dawk il-vittmi li mietu bl-imxijja Covid 19. Aħna kkritikajna l-politika tal-gvern f’dan ir-rigward u malli Robert Abela tfaċċa fuq l-għatba ta’ Kastilja kien hemm min għadda rimarki ta’ diżapprovazzjoni fil-konfront tiegħu.
Dan ġie rappurtat fil-mezzi tax-xandir. U r-reazzjoni ta’ mijiet ta’ kummentaturi u ta’ trolls tant kienet waħda ta’ rabja u ta’ ħdura li tibda’ tistaqsi lilek innifsek x’kienet tkun ir-reazzjoni li kieku l-protesta kienet waħda aktar qawwija, bħalma ta’ sikwit ikun hemm f’pajjiżi demokratiċi normali.
Iżda mbagħad kien hemm xi ħadd fosthom li, għal darb’oħra, tella’ dan ir-ritratt fil-Facebook. Xi ġimgħat ilu kienu xandru dan l-istess ritratt u jidher li ser ikomplu jsemmuh daqskemm iħobbu jsemmu l-Arriva u ż-Żimbabwe.
X’għandu ħażin dan ir-ritratt? 1, 2, 3 … 7, 8 minn nies, spalla ma’ spalla, mingħajr maskra f’wiċċhom.
Ara kemm huma ipokriti – xlewna dawn l-imberkin – qed jiksru r-regolamenti dwar l-imxijja Covid! Skandlu akbar minn dan diffiċli li jkun hemm, komplew iwerżqu: dawn qed ixerrdu l-mard. U n-nies erħilha xxerred dan ir-ritratt fuq il-media soċjali għaliex ma qalulhiex li dan ir-ritratt fil-fatt kien inġibed fit-30 ta’ Jannar 2020 meta l-imxijja Covid konna bilkemm għadna smajna biha. Dak iż-żmien il-maskri konna nilbsuhom biss fil-karnival.
Hawn isfel issibu ritratt ta’ rapport li kien ixxandar fil-Malta Today u tistgħu tinnutaw id-data.
Issa jekk 9 minn nies ser jiksru r-regolamenti tal-imxijja Covid, taħsbu li ser jilbsu l-istess ilbies li kienu libsu f’Jannar li għadda? U l-leħja li kelli dak iż-żmien trid iż-żmien biex terġa’ xxettilha.
M’għandniex xi ngħidu l-fatti għal dawn it-talin mhux ser jagħmlu l-iċken differenza. It-teatrini tal-partitarji ta’ Robert Abela m’humiex ser jieqfu bis-saħħa ta’ doża ta’ provi jew tal-verità.
Li kieku f’Jannar li għadda kont insib xi maskra li tħarisni mill-imxijja tal-injoranza, żgur fuq li jien żgur li kont bilġri nilbisha dakinhar.