Tlitt irġiel kienu tressqu l-qorti u kienu ġew mixlija talli fil-lejl tad-29 ta’ Novembru 2019, waqt li l-Kabinett tal-Ministri dam f’laqgħa sat-3 ta’ filgħodu, llegalment qaflu f’kamra f’Kastilja lil grupp ta’ ġurnalisti li kienu nġabru biex jisimgħu lil Joseph Muscat jistqarr li l-Ministri damu 7 sigħat biex jiddeċiedu dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-immunità ta’ Yorgen Fenech.

Waħda minn dawn il-ġurnalisti, Monique Agius, kienet ippreżentat fil-qorti kopja ta’ filmat li hi stess kienet ġibdet. Segwuh hawn.

Il-qorti semgħet il-każ kważi għeluq is-sena wara li kien seħħ l-inċident u l-kawża qatgħetha ftit jiem il-bogħod mill-ewwel anniversarju ta’ dak il-famuż lejl.

Joe Mifsud, li qabel inħatar maġistrat kien kandidat Laburista, propagandist tal-Partit Laburista u s-segretarju internazzjonali tal-istess partit, illibera lil dawn l-irġiel li kienu ġew mixlija li żammew lill-ġurnalisti llegalment.

Fil-filmat li ġibdet Monique Agius, ġew identifikati tlitt irġiel. Dawn ma kienx posthom f’dik il-kamra għaliex la huma uffiċjali mpjegati f’Kastilja, la huma parti mill-forzi tas-sigurtà u lanqas ma kellhom fuqhom xi forma ta’ identifikazzjoni. Dawn kienu biss għassiesa, bħallikieku Kastilja kien xi night club infestat bid-drogi.

F’sentenza ta’ 46 paġna, Joe Mifsud kiteb 45 minnhom mogħnijin b’kull xorta ta’ legaliżmi bil-għan ewlieni li jħejji l-konklużjoni li x-xiljiet kontra t-tliet akkużati ma kienux ġew pruvati.

Il-Maġistrat kiteb li kien jeħtieġ li s-sentenza tiegħu tkun imsejsa fuq il-provi li nġiebu quddiemu li, skont hu, kienu jikkonsistu f’filmat li kienet ġibdet Monique Agius. Huwa kiteb ukoll li l-filmat ma jippruvax li d-detenzjoni kienet waħda itwal minn 10 minuti jew aktar kif kienu xehdu x-xhieda għaliex il-filmat m’huwiex daqshekk twil. Kiteb ukoll li l-filmat ma jikkonfermax it-tensjoni li xehdu dwarha x-xhieda għaliex min ġibed il-filmat ikkonċentra biss fuq bieb maqful u fuq l-għassiesa li kienu quddiemu u l-ġurnalisti maqfulin ġewwa ma dehru mkien.

Il-filmat suppost kellu jikkorrobora dak li xehdu dwaru diversi xhieda quddiem il-Maġistrat u ċertament ma kienx intiż biex jieħu post din ix-xhieda. Joe Mifsud qatagħha li jiddeċiedi biss minn dak li rriżulta fil-filmat u njora għal kollox dak kollu li ma deherx fl-istess filmat u dan minflok iddeċieda fuq dak li qalulu x-xhieda kif konfermat mill-filmat.

Li kieku ma ġiex preżentat filmat, il-qorti kien bi ħsiebha tinjora għal kollox dak kollu i xehdu quddiemha l-vittmi ta’ delitt kriminali li telgħu jixhdu? Jaqaw il-vittmi ta’ delitt ikollhom bżonn mhux biss filmat ta’ dak li allegaw li seħħ iżda l-filmat ikun jeħtieġ li jiġbed id-dettalji tal-inċident mill-bidu tiegħu sa tmiemu biex il-Maġistrat, skont il-kliem tiegħu stess, ikun jista’ jorjenta ruħu mal-kamra?

Jekk ikun hemm min iheddek b’sikkina f’nofs ta’ lejl, ser tgħidlu biex jerġa’ jirrepeti l-inċident biex ikollok iċ-ċans tiġbed filmat tiegħu mill-bidu sal-aħħar?

Il-Maġistrat stqarr li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova min kien dak li ta l-ordni biex il-ġurnalisti jinqaflu ġewwa. X’inhi r-rilevanza ta’ stqarrija bħal din? Kif jidħol dak li ta l-ordni biex iseħħ att illegali jew inkella x’għandu x’jaqsam jekk kienitx ingħatat din l-ordni jew le? U x’differenza ser tagħmel li kieku l-mixlija, li ma kienu taħt l-ordni ta’ ħadd in partikolari, kienu ħadu l-inizjattiva huma stess?

Il-Maġistrat, fil-ħeġġa kbira li kellu li jinjora dak kollu li ma kienx jidher fil-filmat ta’ Monique Agius, stqarr ukoll li fis-Sala tal-Ambaxxaturi – s-sala fejn kien seħħ l-inċident – hemm bibien oħrajn.  Kif wasal għall-konklużjoni l-Maġistrat li dawn il-bibien ma kienux maqfulin? Ċertament ma setax sar jaf mill-filmat għaliex fih ma dehrux bibien oħrajn. Tgħid il-Maġistrat Joe Mifsud kien qed jirreferi għat-twieqi, li x’aktarx ma kienux maqfulin, u li minnhom il-ġurnalisti setgħu jixxabbtu u jaqbżu għal isfel?

M’hemmx dubju li l-Maġistrat Joe Mifsud kien determinat li jillibera lil dawn it-tlitt irġiel mixlija bid-detenzjoni llegali ta’ grupp ta’ ġurnalisti. Dan kien inċident politikament diżastruż u r-responsabbiltà politika għalih parzjalment għandha tintrefa’ mill-uffiċjali li sal-lum għadhom jaħdmu f’Kastilja. Li kieku dawn it-tliet irġiel instabu ħatja, il-kelliem ewlieni tal-Prim Ministru kien tal-anqas ikollu jwarrab.

Il-provi kontra dawn it-tliet irġiel kienu skjaċċanti u Joe Mifsud kien jaf li ma setgħax jinjora l-filmat. Għaldaqstant kiteb partita legaliżmi mifruxin fuq 45 paġna biex iħejji t-triq għad-difiża tiegħu nnifsu billi waħħal fl-ispettur tal-pulizija Daryl Borg talli dan naqas li jipprova mingħajr dubju raġjonevoli li t-tliet mixlija fil-fatt wettqu dak li dehru mill-filmat ta’ Monique Agius li wettqu. ,

Hekk jiġri meta l-istituzzjonijiet jinħakmu mill-istat: manigoldi bla uniformi, indixxiplinati u li ma jwieġbu lejn ħadd jaqflu lill-ġurnalisti kontra r-rieda tagħhom f’bini tal-gvern bil-għan li jżommuhom milli jagħmlu mistoqsijiet lil prim ministru skreditat, u maġistrat maħtur mill-prim ministru jilliberahom filwaqt li jwaħħal f’ħaddieħor.

Anki jekk din l-inġustizzja jinstab rimedju għaliha mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li semgħet ix-xhieda dwar dan l-inċident, jibqa’ l-fatt li dan l-inċident kien wieħed mill-aktar serji li qatt seħħew fil-Berġa ta’ Kastilja. Għaliex il-Maġistrat Joe Mifsud lill-gvern għadu kemm tah il-lala biex, meta jkun irid u meta jkun jogħġbu, jqabbad manigoldi mhux identifikati biex jaqflu ġurnalisti f’Kastilja kontra r-rieda tagħhom.