Lill-membri parlamentari, Robert Abela qalilhom li għandhom jikkonformaw ruħħom mal-kodiċi tal-etika u jiddikjaraw ġidhom. Il-ministri tal-gvern huwa mistenni minnhom li kull sena jippubblikaw il-lista tal-ġid tagħhom. Il-proċess m’huwiex wieħed li jista’ jissejjaħ dettaljat u l-fatt biss li l-ġid ta’ żwieġhom jew ta’ seħbithom ma jiġix dikjarat, jirrendih f’farsa.

Iżda minkejja dawn ir-regoli laxki fejn tidħol it-trasparenza, ma jistax jingħad li Robert Abela jagħti eżempju tajjeb.

Insemmi biss l-ewwel u l-unika dikjarazzjoni tal-ġid li ġġib id-data ta’ Marzu ta’ din is-sena. Din hi dikjarazzjoni partikolarment importanti għaliex id-dikjarazzjonijiet tal-ġid li jiġu warajha jistgħu mbagħad jitqabblu magħha.

Id-dikjarazzjoni tal-ġid ma ssirx kull sena biex inkunu nistgħu naraw kemm huma fqar jew għonja l-Ministri. Issir sabiex il-pubbliku jkun jaf tkunx inbidlet is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom sakemm idumu fis-setgħa. Nafu l-paga tal-Ministri kemm hi għaliex din hi regolata mil-liġi. Għaldaqstant għandna nistennew li ġidhom għandu jiżdied b’dak li jirnexxielhom ifaddlu mill-paga.

Robert Abela, l-istess bħall-Ministri l-oħrajn kollha, ġie mistoqsi biex jiddikjara kemm qala’ flus fl-2019 qabel ma’ leħaq Ministru tal-Kabinett. Ma kienx ser jiddikjara dan kollu lili jew lilek. Huwa kiteb li qala’ daqs kemm iddikjara li qala’ lid-Dipartiment tat-Taxxa.

Fakkarni f'”ċajta” li kont smajt f’żogħżiti: min ikun ġie mistoqsi x’ħin hu jwieġeb li l-ħin huwa l-istess bħal dak li kien il-jum ta’ qabel fl-istess ħin.

Robert Abela iwieġeb mingħajr ma jagħti tweġiba.

Inċidentalment, ix-xahar ta’ Marzu huwa wieħed pjuttost bikri sabiex wieħed jiddikjara l-qliegħ tiegħu, speċjalment għas-sena 2019 li, minħabba l-imxijja Covid-19, bosta kienu dawk li għamlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom matul ix-xahar ta’ Awwissu.

Ejjew naraw kemm Robert Abela għandu l-ħila jkun trasparenti għallinqas sal-livell meħtieġ mill-kodiċi tal-etika, liema kodiċi jrid jara lil kulħadd josservah.

X’qed jistenna biex ixandar id-dikjarazzjoni tal-qliegħ tiegħu għas-sena 2019?