Erġajna koppi. Dan il-gvern jiġi jaqa’ u jqum dwar kif tarana d-dinja.  Diġà ninsabu f’baħar ta’ nkwiet mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal diversi raġunijiet. Kellna żewġ banek li kienu ngħataw liċenzja wara l-2013 li ġew imġiegħla jagħlqu minħabba ħasil persistenti ta’ flejjes maħmuġin. U l-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ġurisdizzjoni finanzjarja fil-lista l-bajda issa tinsab imdendla. Wieħed mill-membri Maltin li jservi fuq il-bord ta’ sorveljanza tal-BĊE għadu kemm “issospenda lilu nnifsu” talli kien aċċetta rigali mingħand wieħed mil-liċenzjati li hu kien qed jissorvelja, li rriżulta li huwa persuna mixli bil-qtil ta’ ġurnalista.

Xi żmien ilu Edward Scicluna lmenta li darba kien iltaqa’ ma’ xufier ta’ taxi fl-Amerika Latina u dan mill-ewwel semmielu l-korruzzjoni hekk kif sar jaf li hu minn Malta. Dwar xiex jaħseb li jitħaddtu fil-bini tal-BĊE fi Frankfurt kull darba li tissemma’ Malta?

M’għandix l-iċken dubju li f’dak il-bini d-diskors ta’ sikwit jaqa’ fuq il-bejgħ tal-passaporti minn Malta lill-ħallelin u lill-ħassiela tal-flus maħmuġin li anonimament qed jingħataw aċċess għas-sistema finanzjarja taż-Żona Ewro biex ikun jistgħu jimminawha minn ġewwa.

Naqta’ rasi li jitkellmu wkoll dwar il-faqar tal-aġenzija Maltija dwar il-financial intelligence li kellha direttur maniġerjali li kien warrab f’nofs investigazzjoni li setgħet waqqfet lil tal-Pilatus Bank milli jkomplu jagħmlu l-ħsara li spiċċaw għamlu.

U bla dubju jitkellmu wkoll dwar Edward Scicluna – l-istess bniedem  li aktar moħħu biex jinkwieta dwar x’qed igħidu x-xufiera tat-taxi fl-Amerika Latina milli dwar kif ġab ruħu hu bħala ministru – li dan l-aħħar “ħatar” il-kap il-ġdid tal-FIAU, sakemm kien Karol Aquilina li ġibed l-attenzjoni tal-Parlament għall-fatt li l-“ħatra” ma kienitx tgħodd għaliex Edward Scicluna kellu l-ewwel jakkwista l-approvazzjoni tal-Parlament. L-iSpeaker Anġlu Farrugia qabel ma’ din l-osservazzjoni, minkejja li rari jaqbel ma’ dak li tgħid l-Oppożizzjoni.

U llum dwar xiex qed isefsfu fil-widnejn fi Frankfurt? Li Edward Scicluna ser jilħaq gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Mela fost ir-regolaturi tas-sistema monetarja taż-Żona Ewro ser ikun bniedem li qed isiru investigazzjonijiet kriminali dwar l-imġieba tiegħu b’rabta mal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. U li kieku kellu jinstab ħati fil-kariga ta’ gvernatur kien ikollu jwarrab, li kieku dan kien pajjiż li jfittex li jittieħed bis-serjetà.

Fiż-Ż0na Ewro, s-sorveljar tal-politika monetarja iseħħ indipendentement mill-gvernijiet eletti. Dan huwa appuntu dak li jiddistingwi ekonomiji moderni sostenibbli mit-tiranniji li fihom il-muniti jintużaw bħala għodda biex iservu skopijiet partiġġjani.

L-istituzzjonijiet Maltin akkwistaw fama mad-dinja li huma biss pupazzi f’idejn il-gvern tal-ġurnata. Robert Abela wiegħed li kien bi ħsiebu li jmexxi gvern li jkun differenti minn dak li kien mexxa’ Joseph Muscat u dan biex juri lid-dinja li f’Malta l-istituzzjonijiet “jaħdmu”. Jaf ben tajjeb li ma kellux għażla ġaladarba Malta għad trid tgħaddi mill-għarbiel tal-Moneyval u tal-FATF. U jekk minn dan l-għarbiel nibqgħu ma ngħaddux, hemm diżastru kbir jistenniena.

Allura x’għamel? Ħatar lil Edward Sciclun bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali: bniedem b’tant suddizzjoni għall-Partit u għall-gvern Laburista li, dakinhar li xehed fl-inkjesta pubblika, stqarr li meta tħalla barra minn kull deċiżjoni importanti li ttieħdet, ma tantx kien ilmenta u baxxa rasu biex b’hekk ma jidhirx ikraħ il-Partit.

Jeħtieġ li nifhmu li fil-kitchen cabinet li tkellem dwaru Edward Scicluna mhux biss huwa tħalla barra milli jieħu sehem fl-aktar deċiżjoni finanzjarja importanti li kien ħa l-gvern, iżda bħala ministru tal-finanzi ħallewh barra mill-iktar deċiżjonijiet finanzjarji importanti li ħa l-gvern.

Liema ministru tal-finanzi li jkollu nitfa rispett lejh innifsu kien ser jasal biex jaċċetta sitwazzjoni bħal din u jibqa’ ma jwarrabx? Bniedem li huwa daqstant servili u bla sinsla kif qatt jista’ jissorvelja l-politika monetarja bis-serjetà, b’mod indipendenti u b’mod li jmur lil hinn mill-interessi dojoq u partiġġjani tal-Partit Laburista?

Id-dinosawr ta’ wara l-purtiera tal-ħadid Mario Vella – ekonomista li ħa taħriġ imsejjes fuq in-nazzjonalizzazzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni u tad-dittatorjat tal-proletarjat – se jwarrab mill-Bank Ċentrali. U postu ser jieħdu dinosawr ieħor li taparsi jemmen fit-teoriji ta’ Keynes Edward Scicluna: bniedem li l-filosofija ekonomika tiegħu fit-8 snin li dam ministru tal-finanzi, ssejset fuq l-adorazzjoni ta’ dak kollu li huwa Laburista.

Hu jinsab tajjeb.

Iżda huwa l-pajjiż li qed jiġi rranġat għall-festi.