Bi ħsiebni nikteb dwar episodju ieħor li seħħ il-bieraħ waqt is-smiegħ tax-xhieda li ta Keith Schembri quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri ftakar fi żmien meta kienet sariltlu dijanjosi medika u rriżulta li kien inħakem mill-marda tal-kanċer. Kien bgħat ir-riżenja tiegħu bħala chief of staff tal-prim ministru permezz ta’ e-mail. “Kienet ħakmitni l-marda tal-kanċer,” qal il-bieraħ lill-Imħallfin. “Li kien għalija kont lest li nerfa’ mix-xogħol u noqgħod id-dar. Iżda mbagħad seħħ il-ħtif ta’ ajruplan. Kelli nagħmel l-aħħar stadju ta’ kimoterapija u talbuni nagħtihom daqqa t’id peress li naf nitħaddet bil-Għarbi. U spiċċajt tkaxkart lura fejn kont qabel.”

Hawn wieħed ma jistax ma jiftakarx f’Michael Corleone, speċjalment minħabba l-fatt li l-kliem meħud mill-film għadu kemm tfassal mill-ġdid minn dak li ħolqu: “Just when I thought I was out, they pull me back in!”

Iżda l-punt li nixtieq nagħmel m’huwiex dan.

Wieħed ma jistax inaqqas it-tifsira tal-istorja. Meta Joseph Muscat kien intalab jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li ma jdabbarx ras Keith Schembri wara li kienu nkixfu l-Panama Papers, dan ma kienx għamlu għaliex il-prim ministru kien qed jaqbel mal-fehma ta’ Keith Schembri li hu ma kien għamel xejn ħażin. Waqt intervista mxandra fuq TVM fil-25 ta’ Mejju 2017, lil Schembri kien sejjaħlu bħala bniedem bieżel u dinamiku u stqarr li d-deċiżjoni tiegħu li jżommu f’postu kienet prova li għalih “il-pajjiż jiġi l-ewwel”.

Daqshekk kien importanti għall-gvern Keith Schembri. Muscat kien żamm f’postu lil Schembri minkejja l-prezz politiku għoli li kellu jitħallas għaliex, skont hu, kien qed jagħmel att patrijottiku fl-interess nazzjonali.

L-implikazzjoni għaldaqstant kienet li r-riżenja ta’ dan il-bniedem kienet kwistjoni ta’ interess u ta’ tħassib nazzjonali.

Il-fatt li Keith Schembri kien ħasibha “jerfgħax għal kollox mix-xogħol u joqgħod għall-kwiet f’daru” u li kien wera’ x-xewqa li jwarrab, kienet kwistjoni ta’ interess nazzonali kbir.

U minkejja dan kollu, l-gvern ipprova jgħatti l-marda tal-kanċer, it-trattament kontra din il-marda, t-tħassib taċ-chief of staff dwarha u r-r-riżenja tiegħu. U meta f’Novembru 2016 Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar dan kollu, kien bħallikieku kienet waqgħet id-dinja!

Daphne kienet kitbet dan li ġej:

F’Novembru kont ktibt li dak il-ħin Keith Schembri kien imsiefer minn Malta, li kien siefer lejn Londra flimkien ma’ Franco Mercieca (oftamologu u deputat Laburista) biex isirulu t-testijiet minħabba tumur serju li nstablu fin-nerf ottiku ta’ għajnejh, u li kienu ser imorru wkoll fl-Istati Uniti biex isiru aktar testijiet. Jiena kont ktibt li għal ċertu żmien hu ma kiex qed imur l-uffiċċju u li l-Prim Ministru kien qed jostor kemm il-marda li kellu, kif ukoll l-assenza tiegħu mix-xogħol.   

Meta xxandret l-istorja, Muscat, Schembri u Mercieca tathom puplesija. Fil-Parlament Mercieca tilef rasu u beda’ jgħajjarni b’mod isteriku b’li għandi u b’li m’għandix. Minn naħa tiegħu, Muscat wiegħed li jpattihieli. U Schembri, fgat f’demmu kif kien għax ma setgħax iħarrikni peress li l-istorja kienet waħda minnha (u ma kienitx libelluża), qabbad lill-avukati tiegħu biex jiktbu lill-Kummissarju dwar id-Data Protection biex dan jordnali nħassar l-istorja li kont xandart għar-raġuni li kienet qed tikser il-privatezza tiegħu. 

Il-kuntest ta’ dan kollu kienet kitba ta’ Daphne li xxandret ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017 meta kienet għadha qed tipprova ssib tarf ir-raġuni l-għala l-elezzjoni kienet issejjħet sena qabel żmienha.

Daphne kienet fakkret li f’Novembru 2016 Keith Schembri, flimkien ma’ sieħbu Christian Kaelin ta’ Henley & Partners, kien heddidha b’kawża SLAPP dwar dak li hi kienet kitbet aktar minn sentejn qabel.  “X’inhi r-raġuni li ddeċidejtu li tieħdu passi proprju issa?” kienet staqsiet lil Kaelin dakinhar li ltaqgħet miegħu. U hu weġibha li kienu ser jieħdu passi għaliex “l-elezzjoni tinsab wara l-bieb”.

Aħsbu ftit. Keith Schembri u Joseph Muscat tant kienu nħarqu li Daphne kixfet storja li huma kienu fid-dmir li jinfurmaw lill-pubbliku dwarha iżda minflok kienu żammewha sigrieta, li qabbdu lil seħibhom biex jikkastigaha permezz tal-ftuħ ta’ kawża fir-Renju Unit.

Diversi xhur wara, Keith Schembri kompla wera’ li kien għadu maħruq dakinhar li xehed f’Mejju quddiem il-Maġistrat tal-inkjesta dwar il-kumpannija sigrieta Egrant.

Lill-Maġistrat Aaron Bugeja, Keith Schembri qallu li x-xhieda tiegħu “tista’ tixxandar jew tista’ tibqa’ mistura.” Schembri stqarr “Qed tistaqsini dwar l-awtriċi tal-artiklu, jidhirli li din il-persuna għamlet ħafna ħsara lill-ħajja personali tiegħi u dik tal-familja tiegħi”.

Kulħadd jaf li għandi problemi ta’ saħħa, u kienet hi li vvintat kundizzjoni medika li ġennet lill-familja tiegħi. Kont bi ħsiebni nsiefer lejn l-Amerika biex nirċievi trattament mediku u hi pprovdiet id-data tal-mewt tiegħi  mingħajr ma ndenjat ruħħa…..… għandek tkun taf li jien xhud ħaj tal-gideb tagħha. Ma jidhirlix li dan hu sewwa, bħaż-żmien meta l-kummissarju dwar id-data protection kien ġiegħlha tħassar l-allegazzjoni li kienet għamlet li jien għandi tumur f’għajnejja li mhux possibbli li nsib tarfu jew li kelli nħallas €2,500 u €250 kuljum… u l-artiklu għadu hemm.

Mhux għax irrid noqgħod nikkustinja – niġi, naqa’ u nqum –  iżda issa qabżet il-limitu. Fl-agħar żmien ta’ ħajti, lanqas biss kien igħaddili minn moħħi… kont fi klinika fl-Amerika biex jagħmluli PET scan, kelli nistenna nofs siegħa sħiħa u qrajt kumment: ‘make cancer bring him down’. Jien m’għandix rispett. Ma nafx nobgħod iżda m’għandi ebda rispett għal nies ta’ din il-kwalità u jidhirli li bħalissa qed inwieġeb għal montatura.

Ilha tigdeb fuqi għal ġimgħat sħaħ, sena, sena u nofs u jien wiegħedt lili nnifsi li ma kontx ser nagħmillha libell.  Madankollu, l-ġimgħa li għaddiet, ftaħtilha żewġ kawżi ta’ libell. Ma nitgħux nibqgħu sejrin b’dan il-mod. Teżisti differenza bejn lil-fehmiet soġġettivi dwar persuna u l-impatt li dawn il-fehmiet jistgħu jkollhom fuq il-familja tiegħek. Meta tiġi bintek ta’ 13 il-sena u tgħidlek: ‘Daddy, l-iskola qaluli li int ser tmut’ u ma tkunx taf x’ser taqbad tweġibha … inħossni mweġġgħa u ninsab hawn biex inwieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet.

Mhux minn  naħa tiegħek, int mhux sejjer ħażin, irrid infisser li issa għaddiet…….. f’ħajti għadni qatt ma ltqajt ma’ ħaġa bħal din, lanqas barra minn Malta, ħadd qatt ma wasal biex jagħmel dawn l-affarijiet. Bħalissa qed niddiskutu blog bħal dan, jidhirli li huwa nuqqas ta’ rispett lejn pajjiżna.

Mal-medda taż-żmien, irriżulta li dan ma kien gideb xejn. Dan ikkonfermah Keith Schembri stess il-bieraħ quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta.

Smajna wkoll dwar kemm kienu nħarqu, mill-provi li nstemgħu fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech. Yorgen Fenech qed igħid li l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne kien Keith Schembri u li kien hu li ħallas lill-assassini biex joqtluha.

Meta kien xehed Melvin Theuma fi Frar li għadda huwa kkonferma li mir-recordings li kien għadda lill-Pulizija jinstema’ leħen Yorgen Fenech jitħaddet dwar ir-rabja li kellu Keith Schembri dakinhar li Daphne xandret l-istorja dwar il-marda tal-kanċer li kellu.

Yorgen Fenech jinstema’ jgħid: “Huwa qalli li kien jeħtieġ li jagħmluha. Qalli 100 darba li kienu ser jaħtfuha. Kollha kemm huma kienu maħruqin inkluż Joseph u kulħadd.” Lill-Qorti Melvin Theuma qalilha li meta semma’ lil “Joseph” kien qed jirreferi għall-prim ministru u li dan issemma’ fil-kuntest tar-rabja li kienet qed tkebbes il-kitba ta’ Daphne dwar il-marda ta’ Keith Schembri.

X’inhi l-impressjoni li wieħed għandu jieħu dwar dawn l-istejjer li  nkixfu? Wieħed mhux ser jasal biex jikkritika lil ħaddieħor – ikunu kemm ikunu kbar ir-responsabbiltajiet pubbliċi tagħhom – għall-mod li wieħed iġib ruħu fil-konfront ta’ dijanjosi ta’ marda kiefra bħalma hi l-kanċer. Li kieku Keith Schembri xtaq jerfa’ mix-xogħol u jiġġieled lill-marda fiż-żmien li jagħżel hu, ħadd ma kien ikollu d-dritt li jindaħallu.

Iżda d-deċiżjoni tiegħu u tal-imgħallem tiegħu li din l-aħbar iżommuha mistura – x’aktarx għaliex riedu jkomplu jidhru man-nies bħala koppja nfallibbli u mmortali – ma kienitx waħda aċċettabbli f’pajjiż demokratiku. Għaldaqtant l-istorja li kienet xandret Daphne Caruana Galizia, setgħet kemm setgħet weġġgħet is-sentimenti ta’ Keith Schembri u ġiegħlitu jitkellem bi frankezza ma’ bintu, kien dmirha – u d-dmir ta’ kull ġurnalist li kien jaf b’din l-informazzjoni – li tinforma lill-pubbliku dwar dak li Keith Schembri kien ipprova jostor.

Żbaljaw bil-kbir meta ppruvaw isikktuha permezz tal-qrati u tal-istituzzjonijiet regolatorji. Abbużaw ukoll u wrew kemm huma anti-demokratiċi meta ppruvaw jinqdew bil-ħabib sinjur tagħhom biex jagħmlulha kawża barra minn Malta. Ma riedux jagħmlulha libell għaliex kienu jafu li, jekk jirriżulta li storja mxandra tkun vera, kawża bħal din ma tistax tintrebaħ. U l-istorja li kienet xandret Daphne tabilħaqq kienet minnha. Lil Christian Kaelin kienet sfidatu u l-kawża li kellha ssir kontriha f’Londra spiċċat biex ma saret qatt.

Meta’ nisma’ li l-aħbar dwar ir-rabja ta’ Keith Schembri kienet waslet f’widnejn Melvin Theuma, s-sensar wara l-pjan tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, wisq nibża’ l-attentati vendikattivi li kienu saru – li lkoll fallew – biex ikissru lil Daphne setgħu ma’ ssodisfawx il-kilba li kellu Keith Schembri biex ipattihielha.

Lill-Maġistrat kien qallu li ‘Daphne kienet qabżet kull limitu’.

Tgħid dan il-limitu hu kien qabżu wkoll?