Daniel Mercieca huwa bniedem li fil-Facebook qed jallega li kien jaħdem mad-ditta Construct Furniture. Tafu għal liema ditta qed nirreferi. Id-ditta li lejn tmiem l-2015 kienet stiednet lil Joseph Muscat biex jinġibed filmat fl-isfond ta’ kċina maħduma minnha, biex bħal speċi jwasslu “messaġġ tas-sena l-ġdida” li l-fqar qed isiru sinjuri bis-saħħa tat-tnaqqis fit-taxxi.
Fil-Facebook Mercieca kiteb li s-sena l-għaddiet, waqt il-lockdown li matulu ħwienet li ma jbiegħux affarijet essenzjali ġew ordnati jagħlqu, Construct Furniture kompliet taħdem l-ordnijiet ta’ rjus kbar minn wara l-kwinti u “bil-bibien magħluqin”.
Skont Mercieca, fost dawn l-irjus kbar kien hemm il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnifsu li kien hu stess li ħareġ l-ordni biex jagħlqu l-ħwienet kollha (ħlief dawk li jbiegħu l-ikel). Mercieca qed jallega li lil Chris Fearne kienu qed jaħdmulu kċina għat-tieni dar tiegħu u kien għamel żjara fil-ħanut tal-Construct biex jordna kċina ġdida.
Mercieca kiteb ukoll dwar klijenta oħra tal-Construct Furniture ta’ żmien il-lockdown: l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. X’aktarx li ftakar f’isimha hu u jisma’ d-diskors kollu li ngħad dwar in-nisa f’dawn l-aħħar ġranet.
Li jkollok Imħallef tikser il-liġi hi ħaġa tal-mistħija.
Iżda fil-konfront tal-Ministru tas-Saħħa l-ksur minn naħa tiegħu tar-regolamenti tal-lockdown huwa fatt li hu politikament serju ħafna.
Il-kitba ta’ Mercieca diġà ilha li ttellgħet ħmistax il-ġurnata u Chris Fearne baqa’ sieket. Huwa minnu li huwa kien kiser ir-regolamenti tal-lockdown u għamel żjara f’ħanut li suppost kellu jingħalaq bis-saħħa tal-liġijiet li ħareġ huwa stess?
Aħsbu ftit fil-Ministru tas-Saħħa ta’ New Zealand David Clark li kien ġie mġiegħel iwarrab talli dan mar f’xatt il-baħar biex igħum matul il-lockdown. Aħsbu ftit fil-konsulent Ingliż dwar il-covid Neil Ferguson li kien ġie mġiegħel iwarrab wara li ppermetta lis-sieħba tiegħu tagħmel żjara f’daru waqt il-lockdown. Aħsbu ftit fis-sindku ta’ Luton Tahir Malik li kien ġie mġiegħel iwarrab talli attenda għal festin waqt il-lockdown. Aħsbu ftit fl-ewroparlamentari Ungeriż Jozsef Szajer li kien ġie mġiegħel iwarrab wara li attenda orġja sesswali fi Brussel waqt il- lockdown. Aħsbu ftit fil-membru parlamentari Laburista tar-Renju Unit Rosie Duffield li kienet ġiet imġiegħelha twarrab talli marret għal mixja mas-sieħeb tagħha waqt il-lockdown. Aħsbu ftit fil-kap uffiċjal mediku Skoċċiża Catherine Calderwood li kienet ġiet imġiegħelha twarrab wara li għamlet żjara fit-tieni residenza tagħha fi tmiem il-ġimgħa waqt il-lockdown. Aħsbu ftit fil-Minstru tas-Saħħa Ċek Roman Prymula li kien ġie mġiegħel iwarrab wara li mar jiekol barra ma’ sħabu fi żmien il-lockdown. Aħsbu ftit fis-sindku ta’ Barċellona Alex Pastor li kien ġie mġiegħel iwarrab wara li naqas li jagħmel il-kworantina waqt il-lockdown.
Għaiduli ftit. Għaliex m’għandux iwarrab Chris Fearne?