Jaqaw Robert Abela huwa bniedem preġudikat, nieqes minn edukazzjoni soċjoloġika u għandu moħħ li jasal biex jifhem l-affarijiet biss minn perspettiva razzista? Jew inkella jitkellem bit-ton li  jitkellem bih għaliex mingħalih li l-udjenza li jkollu quddiemu hi wkoll waħda preġudikata, nieqsa mill-edukazzjoni soċjoloġika u tifhem kollox minn perspettiva razzista?

Il-bieraħ tkellem dwar l-istatistika li turi tnaqqis fir-rata tal-kriminalità iżda naqas li jispjega li, bħal kull negozju ieħor, il-kriminalità naqset minħabba l-imxijja li għandha timraħ fostna. Għal xhur sħaħ kellna lockdown u kellna persuni bl-uniformi jgħassu triqat li kienu baħħ. Ċertament ma kienx ambjent li fih dak li jkun ma jkunx jista’ jintebaħ bl-attività kriminali.

Il-kriminalità fil-fatt tkattret bejn l-erba’ ħitan tad-djar tagħna. Mill-istatistika uffiċjali rriżulta li l-kriminalità marbuta mal-abbużi bil-  kompjuter u mal-vjolenza domestika żdiedet bil-kbir matul l-2020 – is-sena tal-imxijja.

Dan ma jistax ħlief ifisser li t-tibdiliet fl-istatistika tal-kriminalità m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-politika jew l-imġieba tal-gvern. Iżda għandhom rabta ma’ ċirkostanzi oħra, jiġifieri mal-imxijja.

Il-prim ministru ma spjegax ir-raġuni l-għala l-forzi tal-ordni tefgħu ħarsithom fuq il-kriminalità li żdiedet sewwa matul is-sena li għaddiet. Fiż-żmien tal-imxijja, l-vjolenza fuq in-nisa u fuq it-tfal żdiedet bil-kbir. Iżda Robert Abela ma kienx bi ħsiebu jitkellem dwar dan. Ma kienx interessat li jitħaddet dwar id-dritt tal-poplu li jkollu s-siġurtà ġewwa daru.

U minflok, Robert Abela tkellem dwar “id-dritt tan-nies li tgawdi s-siġurtà mill-bieb ‘il barra” u nfexx iwaħħal fil-babaw iswed għall-problemi tas-soċjetà. Tkellem dwar kif, xi xhur ilu, kien wiegħed li “dawk li qed ikunu effettwati ħażin mill-immigrazzjoni ma jibqgħux ikunu mbeżżgħin li joħorġu minn darhom. Mhux sewwa li jkun hemm irkejjen li fihom ikun hemm pressjonijiet minn konċentrazzjoni aktar qawwija ta’ migranti”.

Hawn ma kienx qed jirreferi għall-pressjoni fuq l-infrastruttura jew għall-pressjoni kaġunata mid-densità fil-popolazzjoni jew minħabba l-faqar u nuqqas ta’ spazju u riżorsi f’ċerti skejjel. Ma kienx qed jirreferi għall-kjuwijiet twal li qed jinġabru quddiem iċ-ċentri tas-saħħa jew għall-karrozzi tal-linja li m’humiex ilaħħqu mad-domanda li hemm għas-servizz. Dawn kienu jkunu “l-pressjonijiet sproporzjonati tal-migrazzjoni” li kien jitkellem dwarhom kull prim ministru biex jispjega dak li ried ifisser.

Iżda l-kuntest tad-diskors tiegħu kien is-“siġurtà”. Li l-migranti qed ibeżżgħu lin-nies u jġiegħluhom jibżgħu jixirfu mill-bieb tagħhom ‘il barra. Li l-migrazzjoni li “problema” u mhux realtà soċjali li xogħolu hu li jsib tarfha biex itejjeb ħajjet in-nies.

Il-migranti, bħalma għamel kulħadd, issakkru ġewwa matul iż-żmien tal-imxijja. Dawn ukoll tilfu x-xogħol, dawn ukoll kellhom diffikultajiet biex ilaħħqu mal-edukazzjoni ta’ wliedhom fl-iskejjel, dawn ukoll tilfu l-opportunità li jħarsu saħħithom għaliex il-ġlieda kontra l-imxijja kienet priorità assoluta. Iżda dawn inzertaw li huma suwed u għaldaqstant, għall-prim ministru, t-tbatijiet u l-qtiegħ il-qalb li dawn igħaddu minnu m’humiex importanti.

U minflok, infexx jitkellem dwar kif ser ineħħihom mit-triqat sabiex il-ġirien bojod tagħhom – inklużi dawk li jsawtu lin-nisa tagħhom, dawk li jabbużaw mit-tfal tagħhom u dawk li jabbużaw mill-kompjuter – ma jkollhomx għalxiex jibżgħu li joħorġu barra minn djarhom.

Dan m’hu xejn ħlief razziżmu istituzzjonalizzat li jwaħħax u li jfakkar f’diskors li kien għamel Donald Trump meta kien stqarr li hemm irkejjen f’Londra li fihom nies bojod jibżgħu imorru fihom.

Iżda, bil-kontra għal dak li seħħ lil Trump, Robert Abela u s-segwaċi razzisti tiegħu għadhom magħna.