Aktar ma toqrob l-elezzjoni ġenerali, aktar qiegħdin joktru l-eżaġerazzjonijiet fid-diskors. Il-bieraħ Robert Abela stqarr li s-sena 2021 ser tkun “waħda mill-aqwa snin fl-istorja ta’ Malta”. L-aqwa f’hiex? Din it-tbassira fuq xiex qed isejjisha? Fuq tbassir ekonomiku? U dan it-tbassir fuqhiex huwa msejjes?

Bħalissa l-gvern imissu qed jaħdem qatigħ biex lill-pajjiż jagħtih iċ-ċans li jfiq malajr mill-ħsara li għamlet l-imxijja. Iżda jidher ċar li t-tilqim qed isir bil-mod wisq. Ħafna aktar bil-mod mill-bqija tad-dinja.

Ir-riklam dwar il-vaċċin uriena freezer jistenna l-wasla tiegħu.  L-ixkafef tal-freezer issa ntlew sewwa iżda bosta huma dawk li għadhom ma’ ngħatawx it-tilqima.

Il-prim ministru mingħalih li ser ikollu l-ħila li jsib it-tarf ta’ kollox billi joħlom biss dwar kemm id-dinja ser tkun aħjar wara li tgħaddi l-imxijja.

Robert Abela qed iwiegħedna li sa Mejju li ġej ser inkunu qed ngħumu fil-liri. Skont hu, sa dakinhar ikun bħallikieku l-imxijja qatt ma ħakmitna. L-operaturi ekonomiċi m’għandhomx l-ottimiżmu li qed juri hu għaliex dak li qed ibassar Robert Abela huwa biss ħolm u lista ta’ xewqat.

Fl-“intervista” li kellu l-bieraħ fuq One TV, huwa stqarr li jistenna’ li fl-2021 Malta għandha tgħaddi mill-eżami tal-FATF/Moneyval. Jista’ jagħti l-każ li din l-istqarrija għamilha għaliex għandu xi ndikazzjoni kredibbli li timlieh bit-tama. J’Alla – iżda dan m’huwiex suċċess minnu nnifsu.

Il-fatt li ser inkunu skansajna diżastru ma jfissirx li qegħdin ngħixu fl-aħjar żmien. Ma jfissirx li l-bqija tad-dinja ser tibda’ tafdana. Ma jfissirx li ser insibu tarf tal-problemi ekonomiċi li qed jaħkmu lid-dinja. Ma jfissirx li m’għandniex għalfejn inħabblu moħħna biex niddiversifikaw l-attività ekonomika minn dik l-attività li ġabitna fil-gwaj li ninsabu fih bħalissa.

“Ma rridx biss li nerġgħu lura għal li konna qabel ħakmitna l-pandemija. Irrid li nagħmlu pass ‘il fuq. Ma rridux biss naraw l-ekonomija terġa’ lura għan-normal f’Mejju. Irridu wkoll naraw it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-governanza.” Dan kif bi ħsiebu jwettqu?Niftakru li l-korrotti għadhom jiġru barra, il-ġustizzja għadha ma seħħitx u l-iskop tar-riformi mhux biss hu limitat ħafna, iżda huma tali li jippruvaw igħaddu lin-nies minn għajn il-labra.

Araw ftit xi stqarr l-Imħallef Giovanni Bonello dwar dak li kien mistenni mir-riformi istituzzjonali. “Nibda’ nemmen li s-saltna tad-dritt m’għadhiex moribonda dakinhar li l-ewwel persuna esposta politikament tiġi mġiegħla terfa’ r-responsabbilta għal għemilha. S’issa ħadd ma ġie mġiegħel jerfa’ r-responsabbiltà. L-istituzzjonijiet kollha li kienu fid-dmir li jaraw li din ir-responsabbiltà tintrefa’ minn min hu responsabbli, bħall-prosekutur, bħall-pulizija u bħal uħud mill-ġudikanti, għażlu li jagħlqu għajnejhom. S’issa l-azzjonijiet li ttieħdu kienu nofs kedda.”

F’Mejju 2017 kienu wiegħeduna “l-aqwa żmien” u ftit wara daħħluna f’diżastru, ġurnalista ġiet assassinata, ministri li nqabdu fil-korruzzjoni tħallew jgħadduha lixxa u s-saltna tad-dritt ġiet imminata b’mod biex tkun tista’ isservi lid-delinkwenti.

Issa qed iwiegħduna “l-aqwa sena”.

Alla magħna!