Kif tenna l-bieraħ Adrian Delia, għajnejh ileqqu bl-emozzjoni, ftit hemm entitajiet li jistħoqqilhom li jinġabrulhom il-fondi aktar mid-Dar tal-Providenza. Huwa stqarr li “aktar ma tkun iebsa l-isfida, Alla dejjem jipprovdi”.

Dan bħallikieku ried igħid li kien bis-saħħa ta’ intervent divin li kumpannija Tuneżina, li ma jaf biha ħadd, qabbditu biex jagħmel donazzjoni ta’ €500,000 f’isimha. Donazzjoni li x’aktarx hi l-akbar donazzjoni li saret minn xi kumpannija fl-istorja Maltija.

Ix-xena kienet waħda spettakolari: bħal meta żiemel tal-injam ġgantesk jitfaċċa fuq xtajta.

Madankollu ta’ min li wieħed jagħmel xi mistoqsijiet.

Min hi l-kumpannija Catco Group li għamlet din id-donazzjoni enormi? Din id-donazzjoni hi parti minn xi programm estensiv ta’ responsabbiltà korporativa? X’inhi r-raġuni li din l-inizjattiva ta’ karità kienet l-unika waħda li saret minn din id-ditta li tidher online? Min fejn nibtet din il-ħeġġa tal-kap eżekuttiv Sirjan ta’ din il-kumpannija Tuneżina li nħolqot fl-2019 biex jiffinanzja b’dan il-mod massiċċ lid-Dar tal-Providenza? Dan il-grupp ta’ kumpanniji jidher li huwa wieħed estensiv iżda l-paġna tiegħu fil-LinkedIn għandha biss 65 segwitur  u ma jidhirx li għandha xi għatx partikolari għall-pubbliċità wiesa’.

Il-pubbliċità li ħolqot din id-donazzjoni kienet waħda fuq skala enormi. €500,000 mhux biss hija somma kbira ħafna għad-Dar tal-Providenza, iżda hi wkoll 25% ta’ dan kollu li nġabar il-bieraħ. Hi somma enormi ta’ flus saħansitra anki għal kumpannija biljunarja.

Fiċ-ċirkostanzi, nħoss li l-pubbliku għandu jinżamm infurmat dwar din id-donazzjoni. Il-pubbliku għandu jkun mgħarraf dwar jekk il-flus ġewx trasferiti diġà jew inkella ġewx imwiegħda. Għandu jkun mgħarraf ukoll dwar jekk saritx jew hux ser ikun hemm due diligence bil-għan li nserrħu rasna dwar il-provenjenza tal-flus. Għandna niġu mgħarrfa wkoll dwar il-pjanijiet li għandhom tal-Catco Group għal Malta in vista tal-ħoss kbir li għandhom kemm għamlu.

M’għandniex xi ngħidu, kull forma ta’ karità għandha tiġi nkoraġġita um’hemmx dubju li d-Dar tal-Providenza għandha tingħata kull għajnuna li tkun teħtieġ.

Iżda, fiċ-ċirkostanzi, jkun opportun jekk nagħmel xi osservazzjonijiet minħabba l-involviment ta’ Adrian Delia – persuna esposta politikament. Ejjew għal mument inwarrbu fil-ġenb il-fatt li Adrian Delia m’huwiex magħruf għall-kjarezza fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ natura finanzjarja. Kull transazzjoni, aħseb u ara waħda li tkun ta’ dan il-kobor u li fiha l-aġent jkun persuna mill-kamp politiku, tkun teħtieġ attenzjoni speċjali.

Hemm ukoll ir-riferenza li għamel Adrian Delia għal Jeffrey Farrugia – persuna li m’hijiex politikament esposta bħalu – iżda li hi esposta fil-kamp tal-futbol.

M’għandix dubju li ser ikun hemm min igħid li jien qed “ngħir” għall-“kisba kbira” li għamel Adrian Delia. Is-segwaċi tiegħu qed jgħolluh mas-smewwiet bit-tifħir bħallikieku l-flus ħariġhom minn butu u tahom għall-karità. Ftit tal-minuti qabel ħabbar id-donazzjoni tal-Catco Group, Adrian Delia reġa’ tfaċċa biex iwiegħed ftit anqas minn €30,000 li suppost inġabru mill-“helpers” tiegħu. Din il-ġabra ċertament kienet waħda impressjonanti. U min ibati miċ-ċiniżmu seta’ stqarr li dan għamlu biex jippika mal-PN. Kollox jista’ jkun. Iżda l-importanti hu li l-flus ġew imwiegħda biex igawdu r-residenti tad-Dar tal-Providenza.

Iżda jkun jeħtieġ li d-donazzjoni ta’ €500,000 tiġi mgħarbla sewwa. U peress li Adrian Delia rabat il-kredibilità tiegħu – li hi dik li hi – ma’ din id-donazzjoni enormi, għandu jistqarr jekk għaddiex din id-donazzjoni mill-għarbiel legali jew le u dan sabiex inkunu żguri li kollox sar skont il-liġi. U għandu wkoll iwieġeb għaliex din id-donazzjoni saret proprju issa u għaliex saret proprju minnu.