Skont l-għaqda tat-tobba, it-tabib Kenneth Grech għadu kemm tneħħa mill-anti-covid team għaliex lill-gvern tah parir li ma daqqlux għal widnejh. Dan it-tabib kien tal-fehma li l-iskejjel għandhom jibqgħu magħluqin għal xi żmien wara l-vaganzi tal-Milied. Peress li r-rati tal-infezzjonijiet issa telgħu għal erba’ darbiet dak li kienu qabel il-festi tal-Milied, il-parir li ta lill-gvern kellu mis-sens komun.
Mid-dehra waħħlu f’Kenneth Grech għall-fatt li tal-MUT saru jafu li hu kien ta dan il-parir bil-miktub lill-kap tal-edukazzjoni Frank Fabri u lir-rappreżentanti tal-iskejjel tal-knisja (li huma wkoll iffinanzjati mill-istat).
Jidher li Kenneth Grech qed jitwarrab mill-frontline għaliex qed jallegaw li kien hu li kixef lill-MUT il-parir li ta lill-gvern.
Il-gvern iridna nintilfu f’dibattitu dwar jekk Kenneth Grech kienx ikollu raġun li jikxef mal-MUT il-parir li hu ta lill-gvern ġaladarba dan il-pariri ġie injorat, jew għamilx sewwa l-gvern li ddixiplinah. Nistgħu faċilment nintilfu f’argument dwar jekk Kenneth Grech kisirx il-kunfidenzjalità tas-servizz ċivili u jekk għandux iħallas ta’ għemilu jew jekk għandux jiġi mfaħħar għall-kuraġġ li wera’ meta kixef deċiżjoni amministrattiva li, skont il-kuxjenza tiegħu, ma kienitx fl-interess tas-saħħa pubblika.
Iżda għalissa ejjew ma nintilfux f’argumenti ta’ din in-natura.
Il-kwistjoni li għandna nitkellmu dwarha hi n-nuqqas ta’ trasparenza tal-gvern fil-konfront tal-ġlieda li qed issir kontra l-imxijja. X’inhi r-raġuni li l-parir mediku li l-ko-ordinatur tal-covid-19 public health response team ta lill-iskejjel inżamm sigriet? X’inhi r-raġuni li l-ġenituri tat-tfal m’għandhomx isiru jafu x’inhi l-opinjoni medika ta’ wieħed mix-xjentisti mill-aktar kwalifikati fis-servizz ċivili?
X’inhi r-raġuni li l-gvern impona l-uniformità fil-messaġġi li jibgħat dwar is-saħħa pubblika? X’inhi r-raġuni li l-fehma tal-professjonisti mediċi dwar it-trażżin tal-infezzjonijiet m’hix l-ewwel priorità meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-kontenut ta’ dawn il-messaġġi?
Għandna ħafna għalxiex niddubitaw kemm il-gvern tassew qed jieħu ħsieb saħħitna għaliex dan aktar moħħu dwar il-mod kif id-deċiżjonijiet li jittieħdu ser jeffettwawlu l-voti. U issa l-gvern sa wasal biex lit-tobba tiegħu jgħidilhom hu x’għandhom igħidu u x’għandhom jagħmlu inkella jitwarrbu mid-deċiżjonijiet dwar l-imxijja covid – imxijja li hi l-akbar sfida għas-saħħa pubblika li qatt kellna.
Kif jippretendu li għandna nafdaw lit-tobba tas-saħħa pubblika li qed ikellmuna meta dawk li fadal biex jagħtuna l-pariri għadhom f’posthom għaliex għadhom ma qalu xejn li ma jdoqqx għal widnejn Robert Abela?
L-għaqda tat-tobba għamlet sew meta ħarġet tiddefendi lil wieħed mill-kollegi mediċi Kenneth Grech. Għad irridu nerġgħu nitkellmu dwar l-inġustizzja li sofra dan it-tabib talli ażżarda jimxi fuq il-parir professjonali tiegħu. Iżda għalissa hemm kwistjonijiet aktar importanti. Jistgħu dawk it-tobba li għadhom ma twarrbux mill-covid-19 response team igħidulna jekk huma għadhomx f’posthom għaliex Kenneth Grech kien żbaljat jew inkella għaliex huma lesti li jieħdu l-pariri mediċi mingħand Robert Abela?
Charmaine Gauci hi l-imgħallem ta’ Kenneth Grech. Tista’ tgħidilna Dr Gauci jekk parir biex wieħed ikun kawt qabel it-tfal jiġu esposti għall-imxijja huwiex reat li jġorr piena miegħu? Dan hu l-parir professjonali tagħha?