Jumejn ilu lill-ġurnalisti Robert Abela qalilhom li, jekk ikunu jridu, jistgħu jistaqsuh għal 100 darba jekk kienx preżenti fil-laqgħa tal-kabinett meta ttieħdet deċiżjoni dwar jekk Vincent Muscat il-Koħħu kellu jingħata l-proklama għaliex it-tweġiba tiegħu kienet ser tkun waħda: jiġifieri li hu jinsab marbut bil-kunfidenzjalità tal-kabinett u għaldaqstant, jiġri x’jiġri ma setgħax igħaddilhom informazzjoni. Hemm filmat li jikkoferma din ir-reazzjoni permezz ta’ link marbut ma’ rapport tat-Times of Malta.
Jacob Borg m’huwiex ġurnalista li jċedi malajr u llum lil Robert Abela reġa’ għamillu l-istess mistoqsija. Il-mistoqsija li għamillu kienet waħda pjuttost qasira. Iżda llum Robert Abela ddeċieda li jneħħi s-sarima u kkonferma li kien preżenti għad-diskussjoni fil-kabinett u fil-ħin mata ttieħdet id-deċiżjoni u dan minkejja l-fatt li kien jaf ben tajjeb li Vincent Muscat kien lest li jixhed kontra l-eks klijenti tiegħu.
“Ninsab konvint li d-deċiżjoni li ttieħdet kienet waħda korretta.” Dan ċertament jista’ jkun, Sur Prim Ministru. Iżda din m’hix ir-raġuni l-għala, skont il-kodiċi tal-etika, l-ministri jkun jeħtieġ li joqgħodu pass lura meta jkunu ser jittieħdu deċiżjonijiet dwar persuni li jkun qrib tagħhom. Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm min huwa lest li jaċċetta li Robert Abela għandu l-ħila li jieħu deċiżjoni mingħajr ma joqgħod jikkunsidra l-impatt li deċiżjoni bħal din jista’ jkollha fuq l-eks klijenti tiegħu. Iżda hemm uħud li m’għandhomx il-ħila li jagħmlu dan. U l-imġieba tal-Ministri jeħtieġ li tkun waħda li tidher li hi fl-interess pubbliku u mhux fl-interess tal-ħbieb tagħhom u tal-ħbieb tal-ħbieb.
Dan il-każ partikolari huwa aktar delikat mis-soltu għaliex, sforz ambigwità oħra fil-qafas kostituzzjonali tagħna, l-ministri waslu għal deċiżjoni li tittratta dwar l-interess tal-ġustizzja. U, jiġri x’jiġri, l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħhom ser tħalli mpatt fuq jekk dawk li huma mixlija bi qtil għandhomx jieklu ikla ħabs jew inkella jinħelsu.
U min qiegħed jieħu dawn id-deċiżjonijiet? Vavu li sa jumejn ilu ħalef solennement li ma kienx bi ħsiebu jiżvela sigriet anki li kieku ntalab li jagħmel dan għal 100 darba. Iżda mbagħad, wara li għaddew jumejn biss, iddeċieda li jwieġeb l-istess mistoqsija meta huwa ġie mistoqsi għat-tieni darba.