Il-gvern Laburista qed iwaqqa’ għall-assurdità u għall-irrelevanza l-ġieħ tal-pożizzjoni ta’ Membru tal-Parlament. Araw ftit x’manuvri ċiniċi kellhom il-ħila li jwettqu tul dawn l-aħħar jiem.

Edward Scicluna rriżenja mill-Parlament. Fil-fatt, jew għażel hu li jirtira mill-bankijiet ta’ quddiem tal-gvern jew inkella ddabritlu rasu. L-ewwel u qabel kollox, huwa rriżenja mir-rwol tiegħu ta’ ministru. Li kieku ried, seta’ baqa’ jokkupa s-siġġu tiegħu bħala membru parlamentari għaliex dan ir-rwol huwa separat u distint u seta’ assuma d-dmir li jgħarbel l-operat tal-gvern.

Proprju hekk jiġri f’pajjiżi demokratiċi normali: ta’ sikwit fost il-membri parlamentari jkun hemm eks-ministri b’esperjenza wiesa’ li jkunu jafu minn ġewwa kif tassew taħdem l-amministrazzjoni.

Iżda jidher li, għal Edward Scicluna, l-kariga ta’ membru parlamentari m’hix prestiġjuża u għolja biżżejjed u ngħata l-ħatra ta’ gvernatur tal-Bank Ċentrali. Min, wara kollox, jixtieq li jkun sempliċi membru parlamentari?

Wara li Edward Scicluna warrab mill-Parlament, issejħet elezzjoni każwali. Tal-Labour beżgħu li seta’ jitla’ floku Charles Azzopardi. Mill-elezzjoni ġenerali tal-2017 ‘l hawn, Charles Azzopardi kisirha magħhom u, li kieku fil-Parlament tela’ hu, kien bi ħsiebu jokkupa s-siġġu bħala deputat indipendenti. U bħala membru parlamentari kien ikollu s-setgħa li jagħmel il-mistoqsijiet u jivvota skont il-kuxjenza mingħajr ma jkun taħt il-kontroll ta’ ħadd.

Għaldaqstant ma riduħx.

Lanqas lil Jeffrey Pullicino Orlando ma riedu għax ma riedux lil min seta’ jimbarazzahom. B’paragun ma’ Silvio Parnis, Glenn Bedingfield u Clint Camilleri, Jeffrey Pullicino Orlando kien iġiegħlhom jidhru koroħ.

Għaldaqstant ġiegħlu lil Gavin Gulia jikkontesta bit-tama li, kif fil-fatt ġara’, jġib biżżejjed voti biex jegħleb lil Charles Azzopardi u lil Jeffrey Pullicino Orlando.

Issa sirna nafu li Gavin Gulia, minkejja li kkontesta l-elezzjoni każwali, ma kellu ebda intenzjoni li jokkupa s-siġġu parlamentari li tellaq għalih. Ftit wara li rebaħ is-siġġu, rriżenja minnufih biex ikun jista’ jkompli jservi bħala chairman tal-awtorità tat-turiżmu.

Tiftakruh l-għaġeb kollu li kien sar meta, ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Therese Comodini Cachia kienet stqarret li ma kienx bi ħsiebha tokkupa s-siġġu fil-Parlament Malti li kienet għadha kemm rebħet għaliex xtaqet tkompli bil-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew? Quddiemha kellha għażla bejn żewġ parlamenti: bejn kostitwenza lokali dejqa li tellgħatha fil-Parlament ta’ Malta jew inkella kostitwenza nazzjonali aktar wiesa’ – jiġifieri Malta u Għawdex kollu – li tellgħatha biex tirrappreżentaha fil-Parlament Ewropew. Tgħidx kemm kienet qalgħet tgħajjir dakinhar. Spiċċat biex ċediet, skużat ruħħa u rriżenjat mill-Parlament Ewropew.

Il-manuvra ċinika ta’ Gavin Gulia ma kienitx għażla bejn responsabbiltajiet parlamentari. Dan wera’ li assolutament ma kienx interessat li jirrappreżenta lill-kostitwenti. U madankollu serva ta’ ostaklu fl-elezzjoni każwali għall-kandidati l-oħrajn li (wieħed jittama) għandhom il-ħeġġa li jaħdmu bħala rappreżentanti tal-poplu.

Ma kienet xejn ħlief manuvra ċinika għall-aħħar.

Wara kollox, għalfejn għandek toqgħod tħabrek biex issir membru parlamentari meta minflok tista’ tkun non-executive chairman ta’ awtorità governattiva? U titħallas ħafna aktar, ikollok xufier, ikollok anqas xogħol iebes, ikollok inqas telefonati xi twieġeb u ma jkollokx lill-kummissarju tal-istandards isegwilek passik (dan diġa rrimarka li, bħala chairman tal-awtorità tat-turiżmu, Gavin Gulia naqas minn dmiru) u allura tkun tista’ tagħmel li trid bil-libertà kollha int u tgħaddi kuntratti pubbliċi lilek innifsek u lil familtek. Min ser ikun daqshekk baħnan li jasal biex jissagrifika dan kollu biex isir membru parlamentari?

Skont il-liġi, meta siġġu parlamentari jiġi vakat darbtejn, partit ikun jista’ jagħżel lil min irid biex jokkupah.

Il-poplu Malti għażel darbtejn: Edward Scicluna u Gavin Gulia. Iżda ebda wieħed minn dawn ma ndenja ruħu jirrappreżenta lill-kostitwenti li tellgħuhom. Ġew jaqgħu u jqumu. Riedu biss il-prestiġju, l-paga u l-privileġġi li jġib miegħu impjieg fis-settur pubbliku, iżda mingħajr ir-responsabbiltà li jaħdmu u jirsistu għal dawk li tellgħuhom. Għaldaqstant it-tnejn li huma warrbu mill-ħatra li tahom il-poplu. U issa posthom fil-Parlament ser jittieħed minn persuna li ser tkun magħżula minn Robert Abela.

Dan ix-xenarju jpinġi b’mod ċar is-sitwazzjoni preżenti fejn il-gvern qed jaħkem lill-Parlament u fejn jidhru ċari l-konsegwenzi tal-fatt li l-membri parlamentari tagħna qed jitħallsu bis-sittiet. Sitwazzjoni li tagħti raġun lil min jisħaq li dawk li jaħdmu fl-amministrazzjoni tal-gvern m’għandhomx ikunu membri parlamentari u l-membri parlamentari m’għandhomx jaħdmu fl-amministrazzjoni. Din is-sitwazzjoni ma tagħmel xejn ħlief tillustra l-ħtieġa għar-riforma parlamentari.

Iżda Robert Abela ma jaqbilx. B’dan il-mod qed jagħżel hu l-membri tal-grupp parlamentari u dawk il-votanti li taw il-vot tagħhom lil Edward Scicluna u lil Gavin Gulia għadhom mehdihin itellgħu l-kliem ‘prosit ministru’ u ‘erbgħin elf’ ma’ kull rokna tal-Facebook.

Għafejn tindenja ruħek biex tivvota meta l-kandidat li tagħżel biex jirrappreżentak jurik li qed jiġi, jaqa’ u jqum minnek?