Finance Malta hi entità li tiġbor fi ħdanha l-interessi kummerċjali tal-industrija tas-servizzi finanzjarji kif ukoll lill-gvern sabiex dawn flimkien jirreklamaw lil Malta bħala ċentru finanzjarju. Din ikun jeħtieġ li tikkonvinċi lid-dinja li Malta m’hix il-Panama għalkemm, sforz ir-reputazzjoni fqira li għandna f’għajnejn id-dinja, hemm min jemmen bil-maqlub.
Il-gvern għandu d-dritt li jaħtar nofs il-membri tal-bord ta’ Finance Malta. Carlos Zarb ġie magħżul biex iservi bħala wieħed mid-diretturi. Tafu x’inhuma l-kwalifiki li għandu?
Għandu kwalifika waħda. Li hu Laburist.
Carlos Zarb huwa teenager u twieled biss 19 il-sena ilu. Weħel fl-eżamijiet tal-‘O’ Levels u naqas li jikkwalifika biex jidħol fil-Junior College. Issa qed jittama li jgħaddi mill-eżamijiet u jibda’ kors fl-Università s-sena d-dieħla.
Il-profil tiegħu jsemmi l-fatt li huwa attivist fil-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista.
U daqshekk.
Carlos Zarb ifakkarni f’episodju tas-sensiela Blackadder li fiha Pitt the Younger iħajjar lil ħuħ iż-żgħir biex jikkontesta għal siġġu fil-Parlament. B’arja ta’ disprament fuqu, Blackadder jistaqsi “x’baqa’ jonqos?”. Li jkun hawn Pitt the Toddler? Jew forsi Pitt the Twinkle?
Issa jien m’għandix dubju li Carlos Zarb huwa bniedem taz-zokkor. Iżda possibbli li m’hawn proprju ħadd fil-pajjiż li xogħolu huwa li jfassal il-politika tal-gvern u li jista’ jagħti kontribut siewi lil entità li qed tirreklama lil Malta mad-dinja fil-qasam tas-servizzi finanzjarji?
Iżda r-realtà kerha hi li, meta jiġu biex jagħżlu, tistgħu tibqgħu ċerti li tal-Labour dejjem ser jagħmlu l-għażliet tagħhom favur il-Laburist l-ewwel u qabel kollox. Dan ifisser li biex kandidat jikkwalifika għal ħatra, biżżejjed li jkun Laburist.
Meritokrazija? Tgħiduli xejn!