Reno Bugeja għadu kemm inħatar bħala kap tal-komunikazzjonijiet u tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-korporazzjoni statali tal-enerġija. Dan huwa impjieg full-time fuq ħatriet l-oħra li ngħata kemm ilu li rtira mill-kariga ta’ editur tal-aħbarijiet ta’ TVM.
Huwa kien ingħata promozzjoni bħala editur tal-aħbarijiet tal-istazzjon televiżiv tal-istat f’Mejju 2013, ftit anqas minn xahrejn wara li Joseph Muscat tela’ fil-gvern. Kellu jirtira f’Awissu 2017, iżda l-kuntratt tiegħu kien ġie mġedded sa Lulju tas-sena l-oħra meta huwa rtira formalment.
Ma kienx bi ħsiebu joqgħod b’idejh fuq żaqqu. Ix-xahar li għadda l-gvern ħatru biex imexxi bord dwar il-“media literacy“. U ftit wara, tal- MaltaToday ħabbru li Reno Bugeja kien ser jibda’ jmexxilhom programm online tal-intervisti .
Mela issa ser ikollna “ġurnalista” ieħor jaqla’ salarju full-time mingħand gvern li suppost hu għandu jgħarbel.
L-impjieg mal-Enemalta ingħatalu wara li saret sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet u dan minkejja l-fatt li hi ħaġa rari li s-suq tax-xogħol jasal biex jkkomoda li min ikun wasal biex jagħlaq is-70 sena. Huwa ser jieħu post Roberto Debrincat li issa ser jingħaqad mad-dipartiment tal-‘customer care‘ fl-Enemalta. Din kienet manuvra li tixbaħ dik li seħħet ix-xahar li għadda bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Bank Ċentrali.
Tassew għandna għalxiex nissabbru li issa għandna ġurnalista ta’ esperjenza armat biex iħabbrilna l-qtugħ tad-dawl u biex jaħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-korruzzjoni fil-Montenegro u fl- Electrogas.