Ċensu “il-Koħħu” Muscat, bniedem li jinsab mixli li kien wieħed minn tliet assassini li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, għadu kemm ċeda appell li kien sar minn digriet ta’ mħallef li permezz tiegħu kienu ġew miċħuda l-eċċezzjonijiet tekniċi kollha li kienu għamlu l-avukati difensuri tat-tliet akkużati.

X’aktarx li permezz ta’ din ir-rinunzja tal-appell, tista’ titwitta’ t-triq sabiex Ċensu Muscat titnaqqaslu l-piena u bis-saħħa ta’ dan, ikun jista’ jixhed kontra ż-żewġ akkużati l-oħrajn. Dan ikun jista’ jseħħ kemm il-darba l-prosekutur jifred il-każ kontra Ċensu Muscat mill-każ kontra l-aħwa Alfred u Ġorġ Degiorgio.

It-tlitt irġiel kien ġew arrestati fl-4 ta’ Diċembru 2017, madwar 6 ġimgħat wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ilhom minn dak iż-żmien ‘l hawn jistennew biex igħaddu ġuri.

Ċensu Muscat fl-imgħoddi kien diġà kkopera mal-Pulizija. F’April 2018 kien semma’ lil Melvyn Theuma li mbagħad għadda biex kiseb proklama bi tpartit ma’ ammissjoni li kien is-sensar bejn l-assassini u  Yorgen Fenech, li hu wkoll mixli bil-qtil.

Il-gvern kien ukoll ċaħad it-talba ta’ Ċensu Muscat biex dan jingħata l-immunità permezz ta’ proklama.

Madankollu jidher li issa seħħ żvilupp ġdid.

M’hemmx dubju li l-aħwa Degiorgio ma jkunx jaqblilhom jekk Ċensu Muscat titnaqqaslu l-piena għaliex dan huwa xhud okulari potenzjali kontrihom. Jista’ jikkorrobora aspetti mix-xhieda li ta Melvyn Theuma, li hu xhud ewlieni fil-każ kontra Yorgen Fenech. L-avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech ħadmu qatigħ biex ikissru l-kredibilità ta’ Melvyn Theuma. Iżda jekk jinġiebu provi bis-saħħa ta’ xhud li ra b’għajnejh, il-każ tal-prosekuzzjoni jista’ jissaħħaħ.

Ċensu Muscat għandu wkoll il-potenzjal li jixhed dwar dawk li fornew il-bomba li ntużat biex inqatlet Daphne Caruana Galizia u dwar ir-rabtiet li seta’ kien hemm mal-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin bħala tal-Maksar li kienu eks-klijenti tal-prim ministru Robert Abela meta dan kien għadu jaħdem fil-prattika legali. Minkejja l-fatt li dawn kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017, l-aħwa tal-Maksar qatt ma ġew mixlija dwar l-involviment suspettat tagħhom fl-assassinju.

Żvilupp ieħor jista’ jkun marbut max-xhieda li ta Melvyn Theuma dwar konġura oħra simili li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Melvyn Theuma kien xehed li Mario Degiorgio, wieħed mill-aħwa ta’ Alfred u Ġorġ li ma ġiex mixli b’rabta mad-delitt, kien infurmah li l-eks ministru Chris Cardona kien qabbad lill-aħwa Degiorgio biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia permezz ta’ sensar ieħor.

Ċensu Muscat jidher li għandu l-ħila li jikxef aktar provi f’dan ir-rigward.